Lokali Unjoni Ewropea

Casa magħżul kelliem ewlieni tal-PPE għal-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa jindirizza l-Parlament Ewropew

Il-Membru tal-Parlament Ewropew u l-Kwestur David Casa għadu kemm intgħażel mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Popolari Ewropew biex ikun il-kelliem ewlieni tiegħu għal-leġislazzjoni kontra l-ħasil tal-flus fi ħdan il-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji.

Casa, li jifforma parti mill-amministrazzjoni tal-Parlament Ewropew, irreaġixxa għal din il-ħatra ġdida billi qal: “Ma nistgħux nistennew li negozji onesti jaderixxi ma’ regoli stretti ta’ kontra l-ħasil tal-flus stretti filwaqt li l-kbarat u l-korrotti jimxu bħal romblu fuq iċ-ċittadini tagħna.”

Din il-ħatra ta’ David Casa seħħet ftit wara diskors li għamel waqt is-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, li matulha rrefera għall-qtil tal-ġurnalista investigattiva Maltija Daphne Caruana Galizia, li t-tieni anniversarju mill-qtil brutali tagħha se jibqa’ mfakkar ix-xahar id-dieħel. “Kieku l-istituzzjonijiet kienu iktar effettivi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, Daphne Caruana Galizia, illum setgħet kienet magħna,” qal il-MPE David Casa

“Ħafna mill-istituzzjonijiet jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom. Imma jfallu wkoll. U meta dawn ifallu u ma jinvestigawx jew ma jipproġedux fuq każijiet ta’ ħasil tal-flus, ikollhom ikunu l-whistleblowers u l-ġurnalisti investigattivi li jirriskjaw ħajjithom biex jikxfu dan kollu. Kollha kemm aħna nafu x’ġara minn ġurnalisti bħal Daphne Caruana Galizia u Jan Kuciak,” qal il-MPE David Casa lil-ewroparlamentari matul is-sessjoni plenarja.

“M’għandniex għalfejn noqogħdu nduru mal-lewża. Il-ħasil tal-flus hu konsegwenza ta’ atti kriminali. Għandna diversi eżempji. Politiċi, negozjanti, traffikanti, frodisti kollha jaraw kif jagħmlu biex jaħbu dawk il-flejjes li jkunu ġabu b’mod illegali,” qal ir-rapporteur permanenti David Casa.

“Il-verità hi li mhux faċli li tinduna b’dan kollu. Strutturi kumplessi, f’diversi ġurisdizzjonijiet u ħafna drabi jkunu wkoll jinvolvu numru kbir ta’ entitajiet finanzjarji. Imma minkejja dan kollu, l-impatt fuq in-nies hu kbir ħafna. Dan hu serq. Serq minn flus li suppost intużaw biex jinbnew l-iskejjel u l-isptarijiet, biex jiġu ingaġġati infermiera, tobba u għalliema, biex jinbnew it-toroq.”
“L-affarijiet għandhom jinbidlu. U l-istituzzjonijiet Ewropej ma jistgħux jaġixxu biss wara li l-akkużi jinġiebu minn barra l-Ewropa.”

Ir-rwol il-ġdid ta’ Casa jinvolvi l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ħames direttiva kontra l-ħasil tal-flus u li jmexxi d-dibattitu f’isem il-Grupp PPE dwar kwalunkwe reviżjoni tal-leġiżlazzjoni attwali.

”L-awtoritajiet iridu jaġixxu aktar malajr biex jidentifikaw liema huma dawk l-organizzazzjonijiet kriminali li qed jabbużaw mis-sistemi finanzjarji tagħna. Jaġixxu malajr u jkunu determinati. U aħna, bħala istituzzjonijiet Ewropew irridu nassiguraw li l-awtoritajiet ikollhom l-għodod kollha neċessarji biex dan iseħħ,” ikkonkluda Casa.