Sport Sport Ieħor

Conrad Puli jtemm it-tieni fil-kategorija tal-kadetti tas-subien fl-Open ta’ Malta tat-Table Tennis

Iż-żagħżugħ Conrad Puli kiseb l-aħjar riżultat mill-plejers Maltin waqt l-Open ta’ Malta li sar ftit tal-jiem ilu, tournament li kien organizzat mill-Malta Table Tennis Association. It-timijiet tal-kadetti kemm tas-subien kif ukoll tal-bniet temmew tilfu l-logħba għat-tielet u r-raba’ post iżda xorta spiċċaw fuq il-podju.

Fil-kategorija kadetti tas-subien, Conrad Puli temm fit-tieni post wara li kien megħlub fil-finali mill-Irlandiż Max Skeleton 3-0, l-istess plejer li Puli tilef kontrih fil-fażi tal-gruppi.

Fl-istess kategorija ħadu sehem Sean Debono u Luke Bonello. Debono spiċċa l-ħames b’żewġ rebħiet u telfa fil-gruppi filwaqt li fil-kwarti tal-finali kien megħlub 3-1 minn Conrad Puli. Fil-logħba għall-ħames u s-sitt post hu rebaħ 3-1 kontra ċ-Ċiprijott Christos Theofanis. Luke Bonello temm fit-tmien post hekk kif wara li għadda mill-grupp tiegħu, tilef il-logħbiet ta’ klassifikazzjoni.

Fil-kategorija kadetti tal-bniet, Anthea Cutajar rebħet il-logħbiet kollha tal-grupp, iżda kienet eliminata fil-kwarti tal-finali miċ-Ċiprijotta Anastasia Komissarenko 3-1. Hi tilfet ukoll Lucy McIvor tal-Irlanda u Ruby Elliott ta’ Wales biex spiċċat fit-tmien post. Fl-istess kategorija ħadu sehem ukoll Rachel Mifsud u Sabine Darmanin li kklassifikaw fl-14 u s-16-il post rispettivament.

May Zahra u Kira Axiaq spiċċaw fl-14 u s-16-il post fil-kategorija tal-Juniors tal-bniet filwaqt li Aidan Dwight u Sasha Pace kklassifikaw fil-15 u s-16-il post fil-kategorija tal-Juniors tas-subien.