L-Akkademja tal-Malti permezz ta’ stqarrija fakkret lill-awtoritajiet edukattivi biex jaraw li ċ-ċirkolarijiet uffiċjali kollha li jintbagħtu lill-ġenituri f’Malta u Għawdex ikunu l-ewwel u qabelxejn bil-Malti.
Dan qalitu fid-dawl meta fl-aħħar jiem fi skola primarja lill-ġenituri għarrfuhom li ċ-ċirkolarijiet se jibdew jintbagħtulhom bl-Ingliż biss minħabba l-għadd ta’ barranin li hemm fiha. Din iċ-ċirkulari ġiet irtirata. Filwaqt li l-Akkademja tieħu gost tara li llum il-ġurnata ħafna ġenituri Maltin jafu l-Ingliż, hija tqisu bħala diżrispett lejhom u lejn il-poplu Malti kollu meta d-deċiżjonijiet ta’ xi individwi fl-awtorità jwasslu għall-marġinalizzazzjoni tal-ilsien nazzjonali.
Filwaqt li l-Akkademja tawgura ’l-edukaturi u ’l-istudenti sena skolastika oħra mimlija sodisfazzjon u tagħlim, tkompli tħeġġeġ lill-edukaturi kollha biex jużaw il-Malti. Hija tenniet li huma għandhom id-dmir li jżommu l-prestiġju tal-ilsien nazzjonali fil-għoli, u jaraw li l-funzjonalità tiegħu b’saħħitha.
//= $special ?>