In-nies fiċ-ċentru tal-politika
Il-viżjoni tagħna għal Malta hija li jista jkollna żvilupp sostenibbli fejn l-ambjent ma jispiċċax il-vittma tal-progress. Fejn ma jkollnix ekonomija bbażata biss bit-tkabbir tal-popolazzjoni, biċ-cheap labour li qed jgħolli rasu u fejn mhux kulħadd jista’ jkollu saqaf fuq rasu.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat mill-preżentatur u ġurnalist Saviour Balzan waqt intervista parti mill-attivitajiet għall-Indipendenza. Dr Delia qal li l-PN se jibqa’ jkun il-bastjun tas-sewwa u kontra l-korruzzjoni.
Huwa qal li għalhekk mar il-Qorti u fetaħ kawża biex din tiddikjara null il-kuntratt mal-Vitals, li għandu xamma ta’ korruzzjoni, u biex it-tliet sptarijiet li ngħataw bix-xejn jingħataw lura lin-nies.
Għalhekk ukoll se jerġa’ jmur il-Qorti Kostituzzjonali biex ir-rapport tal-Egrant ma jibqax magħluq fil-kexxun. Dan għaliex id-dettalji tal-1,400 paġna tar-rapport ma jistgħux jibqgħu mistura, għax in-nies għandhom dritt li jkunu jafu l-verità kollha, u fil-Qorti wkoll tliet ministri tal-Gvern se jkollhom jixhdu u jgħidu kif ikkwotaw minn dan ir-rapport meta mhux suppost li kellhom aċċess għalih. Adrian Delia qal li llejla stess l-Oppożizzjoni kitbet liċ-Chairman tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) biex dan il-kumitat jinvestiga u jiddiskuti minnufih żewġ rapporti li ġew irrappurtati fil-midja u li jikkonċernaw għoti ta’ flus sabiex jintemm qabel il-waqt kuntratt ta’ impjieg ta’ uffiċjali tal-MFSA.
Dan meta wieħed mill-gvernaturi tal-MFSA Joe Brincat, li huwa eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista stess iddeskriva dan il-ħlas bħala ‘reat’ u ‘abbuż mill-użu ta’ fondi pubbliċi’. Għall-mistoqsijiet ta’ Saviour Balzan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li f’pajjiżna ħadd m’għandu jispiċċa assassinat għax jitkellem, u għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ għaddej bil-ġlieda għall-ħelsien tal-espressjoni u mhux se jibqa’ bi kwietu sakemm naraw li ssir il-ġustizzja.
Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista m’huwiex Adrian Delia biss, iżda huwa firxa kbira ta’ nies, li jaħdmu u li jirrappreżentaw mużajk wiesgħa ta’ ideat li jilħqu l-aspirazzjonijiet tan-nies. Huwa qal li mhux bilfors trid tkun Nazzjonalist biex tivvota lill-Partit Nazzjonalista. “Aħna rridu nkunu partit li jikkonvinċi lin-nies, li jivvutaw lill-PN għaliex verament jemmnu li l-PN jista’ jtejjeb il-ħajja tan-nies,” qal Adrian Delia.
Il-Partit Nazzjonalista jinteressah mill-ġid komuni u jinteressah mill-aspirazzjonijiet u l-ħiliet ta’ kulħadd u jixprunahhom biex jikbru f’ħajjithom u fis-soċjetà tagħna. Adrian Delia qal li l-PN fil-Gvern ġab lejn pajjiżna industriji ġodda u innovattivi bħall-avjazzjoni, l-farmaċewtika u s-servizzi finanzjarji, setturi li joffru eluf ta’ impjiegi lill-professjonisti u żgħażagħ, iżdal-Gvern Laburista jaħseb li biex tkun pro business trid tkun taf lil xi ħadd jew lil xi ministru.
Huwa qal li hu l-irowl tal-Gvern li jara li l-ġid li jinħoloq jasal għand kulħadd, iżda taħt il-Labour qegħdin jakkwistaw biss dawk li huma qrib ta’ Kastilja, dan huwa gvern tal-big business biss u tilef ir-ruħ soċjali. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jista’ jagħti garanzija li l-PN se jibqa’ qrib tan-nies u partit għan-nies, għaliex il-politika għandha tkun servizz biex itejjeb il-ħajja tal-persuni u tal-familji. Għalhekk sa mill-Oppożizzjoni, l-PN se jkun qed juri li huwa gvern alternattiv li jista’ jkabbar l-ekonomija, jattira investimenti ġodda u jkattar il-ġid mingħajr il-bżonn tal-korruzzjoni.
Il-PN fil-gvern ikun Gvern tal-business nadif u l-ġid jitqassam u jasal għand kulħadd fis-soċjetà.
//= $special ?>