Kif ġie rappurtat fil-midja, l-Kummissjoni Ewropew mistennija tressaq proposti fi ħdan il-Konvenzjoni tas-Sajd fil-Mediterran(GFCM) li se titlaqqa’ f’Rodi fl-4 ta’ Novembru sabiex jitrazzan is-sajd illeċitu għal-lampuki mis-sajjieda Tuneżini minn fuq il-kannizzati tas-sajjieda Maltin u Għawdxin.
Dan se jsir wara li l-kandidat tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropea Peter Agius kien kiteb formalment għal intervent mill-Kummissjoni, wara laqgħat mas-sajjieda u ma’ uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropew. F’ittra tas-16 ta’ Jannar li għadda, Peter Agius kien stqarr li s-sajjieda Maltin ġew soġġetti għar-reġim tal-Politika Komuni tas-Sajd iżda qed jitħallew waħedhom biex jaffaċċjaw problema rikorrenti bis-sajjieda Tuneżini li qed jistadu regolarment, sfaċċatament u mingħajr l-ebda regola u deterrent, fuq il-kannizzati tas-sajjieda Maltin.
Is-soluzzjoni li kienet ġiet indikata fl-ittra tal-kandidat tal-PN kienet li ssir pressjoni internazzjonali li twassal għal infurzar mill-awtoritajiet Tunezini u dan fl-GFCM bħala l-post adattat. Fl-aħħar jiem ġie rappurtat fil-fatt li l-Kummissjoni Ewropew se tressaq proposta fuq il-kannizzati tal-Lampuki propju fil-GFCM fejn se jiġi propost li dawn ikunu dokumentati u rikonoxxuti bħala mezzi tas-sajd privati u għaldaqstant ikun mistenni l-infurzar tal-awtoritajiet Tuneżini biex is-sajjieda ma jibqgħux jisfruttaw il-kannizzati tal-Maltin.
Il-Partit Nazzjonalista jenfasizza li wara l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea f’Rodi se jkun għad baqa ħafna xogħol xi jsir biex nipproteġu s-sajjieda Maltin u Għawdxin. Jeħtieġ li din il-proposta tiġi aċċettata mill-partijiet tal-Konvenzjoni, u wara dan jeħtieġ li tiġi implimentata b’miżuri ta’ infurzar effiċjenti u l-bzonn ta’ ħidma f’koperazzjoni bejn l-awtoritajiet Maltin u dawk Tuneżini.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ dispost li jikkopera u jgħin anke lill-awtoritajiet sabiex tissolva din il-kwistjoni u s-sajjieda Għawdxin u Maltin iserħu rashom.
//= $special ?>