Kelliema għall-Kummissjoni eżekuttiva tal-Unjoni Ewropea qalu li r-Renju Unit issottometta xi proposti bil-miktub dwar l-emendi li jixtieq jara fil-ftehim dwar Brexit li ilu staġnat ix-xhur.
Il-kelliema Mina Andreeva qalet li għandhom isiru taħditiet tekniċi ‘fuq il-bażi ta’ dawn id-dokumenti’ u fejn mistennija jkunu diskussi aspetti tar-regoli doganali flimkien ma’ regoli relatati għall-manifattura u setturi oħra.
Dan meta Michel Barnier, in-negozjatur ewlieni tal-UE dwar Brexit u Stephen Barclay, in-negozjatur għal Londra, se jiddiskutu wkoll it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni waqt laqgħa li għandha ssir għada.
Kelliema għall-Gvern Britanniku sostnew – mingħajr ma daħlu f’dettall — li ‘ir-Renju Unit qasam ma’ Brussell id-dokumenti li jirriflettu l-ideat tiegħu (dwar Brexit)’ u li r-Renju Unit ‘se jressaq is-soluzzjonijiet formali bil-miktub ladarba jkunu lesti.’
Min-naħa tagħha, Mina Andreeva qalet li mhemm l-ebda deadline formali għar-Renju Unit biex jissottometti l-proposti formali, iżda għamlitha ċara li kull ġurnata tgħodd, peress li qed tavviċina d-data stabbilita ( 31 ta’ Ottubru) għal Brexit.
Intant, il-Prim Ministru tal-Finlandja, Antii Rinne qal li l-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, għandu żmien ‘sa tnax il-jum’ biex iressaq il-pjani tiegħu dwar Brexit lill-UE.
Il-Finlandja għandha l-Presidenza attwali tal-Unjoni u Rinne spjega li hu u l-President Franċiż, Emmanuel Macron, qablu li r-Renju Unit jeħtieġ jipproduċi l-proposti bil-miktub sal-aħħar ta’ Settembru, ‘inkella jispiċċa kollox’.
Dan waqt li s-sorsi qrib il-Prim Ministru Johnson tennew li ‘se jkomplu jinnegozjaw waqt li beħsiebhom jippreżentaw il-proposti fil-ħin xieraq’.
//= $special ?>