Il-Prim Ministru Iżraeljan u Kap tal-Partit Likud, Benjamin Netanyahu, sejjaħ biex ir-rivali tiegħu Benny Gantz — li jmexxi lill-Partit tal-Blu u Abjad taċ-ċentru — jissieħeb fi Gvern (koalizzjoni) għall-għaqda. Dan waqt li Netanyahu u Ganz qed jippruvaw isolvu d-differenzi – b’talaħħar jinsisti li l-unika koalizzjoni għall-għaqda li jaqbel dwarha ‘għandha tkun waħda immexxija minnu stess’.
It-tieni elezzjoni ġenerali f’Iżrael mill-bidu tas-sena ’l hawn intemmet fi staġnar, fost l-inċertezza politika attwali.
L-istampa lokali qed tgħid, intant, li ż-żewġ partiti ewlenin naqsu milli jirbħu biżżejjed voti (fl-elezzjoni tat-Tlieta) biex jiffurmaw koalizzjoni ta’ maġġoranza.
Fl-istess ħin, il-partit ta’ Gantz irrifjuta li jinvolvi ruħu f’koalizzjoni mmexxija minn Netanyahu li, ’il quddiem, jista’ jiffaċċja akkużi dwar korruzzjoni.
Min-naħa tiegħu, il-President Iżraeljan Reuven Rivlin faħħar ‘is-sejħa importanti ta’ Netanyahu’ – u meta qed imexxi konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-partiti qabel jinnomina kandidat li jaħseb li għandu l-aħjar ċans biex jifforma Gvern.
S’issa laħqu ngħaddu biss madwar 70 fil-mija tal-voti mill-elezzjoni – bil-partit ta’ Gantz ikollu anqas minn punt perċentwali vantaġġ fuq il-Likud ta’ Netanyahu. Skont l-aħħar analiżi, il-Partit tal-Blu u Abjad kien qed jidher qrib li jirbaħ 33 siġġu (tnejn aktar minn Likud) fil-Knesset (Parlament).
Dan fost indikazzjonijiet li grupp taċ-ċentru-xellug immexxi minn Gantz jista’, ’il quddiem, jikkontrolla 57 siġġu fil-Knesset – waqt li grupp magħmul mill-partiti tal-lemin u reliġjużi alleati ma’ Netanyahu jista’ jkollu 55.
//= $special ?>