Internazzjonali

L-Afganistan: Tobba u pazjenti maqtula f’attakk ieħor tat-Taliban

Mietu tal-anqas 20 persuna fi splużjoni ta’ trakk-bomba barra sptar fil-belt ta’ Qalat, lejn n-Nofsinhar tal-Afganistan. L-attakk qered partijiet mill-isptar, bil-parti kbira tal-vittmi, wara, ikunu identifikati bħala tobba u pazjenti.

L-isptar jipprovdi l-faċilità ewlenija tas-saħħa fil-provinċja ta’ Zabul u l-militanti tat-Taliban, li ħadu responsabbiltà għall-attakk, qalu li huma riedu jolqtu l-uffiċini tas-servizzi sigrieti tal-Gvern fil-viċin. Iċ-ċifra finali tal-vittmi ma kenitx ċara, meta l-ammont tal-mejtin kien mistenni jitla’ u bl-attakk iħalli ’l fuq minn 100 midruba.

Dritt wara l-isplużjoni, il-qawwiet tas-sigurtà u l-gruppi tas-salvataġġ ħarġu numru ta’ tfal u nisa minn taħt it-tifrik tal-bini, bl-ambulanzi jwasslu lill-midruba lejn l-isptar fil-provinċja ta’ Kandahar.

Rapporti oħra, intant, qalu li ħmistax-il ċivili oħra tilfu ħajjithom f’attakk mill-ajru immirat għat-terroristi tal-ISIS fil-provinċja ta’ Nangarhar lejn il-Lvant tal-pajjiż. Dan l-attakk, li twettaq bi drone, ħalla wkoll diversi midruba, bl-awtoritajiet Afgani qed jinvestigaw l-inċident qattiel.