Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kelliem għall-Ġustizzja u l-Governanza Tajba Adrian Delia flimkien mal-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija, s-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazzjoni Kristy Debono, llum kiteb liċ-Chairperson tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament biex dan il-kumitat jinvestiga u jiddiskuti minnufih żewġ rapporti li ġew irrappurtati fil-midja u li jikkonċernaw għoti ta’ flus sabiex jintemm qabel il-waqt kuntratt ta’ impjieg ta’ uffiċjali tal-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).
Fl-ewwel każ, il-flus ingħataw lill-uffiċjal li ftit ġimgħat wara ngħata mpjieg ieħor ma’ entità pubblika li sa ftit qabel kienet tifforma parti mill-istess MFSA. L-istess uffiċjal kien responsabbli għar-riżorsi umani tal-istess MFSA. Dan iqajjem mistoqsijiet serji dwar l-użu ta’ fondi pubbliċi u tmexxija tajba, iktar u iktar meta wieħed jikkunsidra li l-istess uffiċjal kien involut fit-tfassil tal-kundizzjonijiet li gawda minnhom huwa stess.
It-tieni każ wassal saħansitra biex Gvernatur tal-MFSA jippreżenta l-Qorti protest ġudizzjarju fil-konfront tal-Uffiċjal Kap Eżekuttiv (CEO) tal-MFSA fejn akkuża lill-istess CEO Joseph Cuschieri ta’ abbuż ta’ fondi pubbliċi, liema abbuż fil-fehma tal-istess Gvernatur tal-MFSA jammonta għal reat kriminali.
L-Oppożizzjoni tikkundanna l-mod kif l-MFSA qed tagħmel użu minn fondi pubbliċi mingħajr għaqal u reqqa, b’mod li jmur kontra l-prinċipji ta’ governanza tajba. Il-kontabbiltà titlob li tinġarr ir-reponsabbiltà politika ta’ dan l-abbuż.
Għalhekk saret din it-talba biex dawn il-każijiet jiġu diskussi u investgati b’mod urġenti mill-Kumitat Parlamentari għall-fondi pubbliċi (PAC).
//= $special ?>