Lokali

PL vs PL: Iduru kontra Farrugia Portelli

Esponenti tal-Partit Laburista esprimew b’mod skjett fuq il-midja soċjali li ma jaqblux mal-fehma tas-Segretarju Parlamentari Laburista Julia Farrugia Portelli.

Dan hekk kif is-Sindku Laburista tal-Imtarfa Daniel Attard u l-eks kandidat ghall-Parlament Ewropew Cyrus Engerer saħqu li l-manifest elettorali tal-Partit għandu jiġi onorat – ħaġa li minn kliem Farrugia Portelli tinsab kontriha.

F’intervista televiżiva, Julia Farrugia Portelli, il-persuna li hija effettivament responsabbli mir-riformi, inkluż il-legalizazzjoni tal-kannabis, saħqet ċar u tond li t-timbru li ingħata lill-kannabis fil-Manifest Laburista kien ħażin filwaqt li saħqet li d-droga, inkluż il-kannabis m’għandhiex tiġi ppreżentata li tista’ tittieħed għall-pjaċir.

Madanakollu fuq il-midja soċjali, is-Sindku tal-Imtarfa, li kumbinazzjoni huwa wkoll uffiċjal fi ħdan il-Ministeru tal-Ugwaljanza, Daniel Attard – insista li l-wegħdiet elettorali jridu jiġu onorati l-għaliex huwa kuntratt mal-elettorat.

Diskors li qabel miegħu u tqassam fuq il-midja soċjali mill-esponent Laburista Cyrus Engerer fejn insista li dan huwa manifest li għandu jiġi implimentat b’mod totali.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien saħaq darba, darbtejn li jaqbel li jillegalizza d-droga kannabis, madanakollu jidher li mhux kulħadd minn sħabu huwa wara l-fehma tiegħu.