Lokali

Residenti ta’ Marsaskala jiskopru li l-għassa ġdida se tgħatti l-iskola

Fil-jiem li ġejjin quddiem l-iskola ta’ Marsaskala mistenni jibda proġett biex titla’ binja ta’ żewġ sulari li fiha tkun ospitata l-għassa tal-lokalità.

Il-proġett, li ilu jissemma’ għal snin, se jibda fil-bidu tas-sena skolastika ġdida, bit-tħaffir u l-bini għaddej fl-istess waqt li f’din iż-żona tiddomina konfużjoni sħiħa.

Dan għaliex, fejn ġejja l-għassa, normalment iż-żona tkun dominata minn għexieren ta’ karozzi jistennew lit-tfal, kif ukoll trasport tal-iskola.

Mistennija tinħoloq ukoll problema kbira għaliex din l-iskola, li tilqa’ fiha mal-500 student, m’għandiex parkeġġ, bl-għassa li se tieħu post ukoll xi postijiet ta’ parkeġġ, inkluż uħud għal persuni b’diżabbiltà.

Ġejja wkoll qrib wisq l-iskola, bil-konsegwenza li l-veduta li qabel kienu jgawdu l-istudenti u l-għalliema, inkluż il-ġnien li jdawwar il-knisja u l-baħar, issa se jitilfuha.

Il-minority leader ta’ Marsaskala, John Baptist Camilleri, wassal għand dan l-istazzjon it-tħassib tar-residenti.

“L-ewwel ħaġa, binja ta’ żewġ sulari quddiem l-iskola, metru ‘l barra mill-iskola, diġa tat xokk lin-nies. Min ħa jiġi fl-għassa se jkollu jitla’ dit-telgħa kollha. Din it-triq tista’ tgħid tagħmel sagħtejn magħluqa kuljum, filgħodu u filgħaxija. X’aċċessibbiltà għandek?”

Dan apparti li biex wieħed jasal għaliha jrid jitla’ telgħa pjuttost wieqfa u diffiċli, b’mod speċjali għall-anzjani jew persuni b’diżabbiltà.

Hemm ukoll kwistjoni ta’ kunfidenzjalità, b’nies li jagħmlu rapport jew persuni arrestati jew li se jkunu interrogati, se jispiċċaw deħlin fl-għassa bħallikieku spettaklu quddiem għexieren ta’ studenti, ġenituri u għalliema.

Madankollu, kollox jidher li l-proġett se jibqa’ għaddej qisu xejn m’hu xejn, iktar u iktar wara li ħareġ il-permess u fil-post bdew jaslu l-inġenji.

“Nippretendi li kien ikollna siti alternattivi oħra li jkunu ġew kunsidrati u skartati. Nixtieq li kieku xi ħadd iserrħilna moħħna li m’hawnx l-ebda sit ieħor l-ebda sit ieħor available li jista’ jintuża, qabel jittieħed hawn.”

Biss biss l-għassa l-antika issa tħalliet fi stat dilapidat, wara li kien ilha tintuża għal snin twal u issa tħalliet abbandunata għal snin, bil-Pulizija jispiċċaw f’gabbana.

“Semmai hemm anke l-għassa l-antika. L-għassa l-antika vera li fiha sular taraġ, imma tista’ tiġi aċċessibbli, tista’ tiġi modernizzata, tista’ tintuża l-istess binja li għandek, tagħmel lift fuq barra jekk hemm bżonn u tibblendja wirt storiku ma’ oġġett modern.”

Sadattant il-Kunsill Lokali, s’issa, għadu ma ħareġ xejn b’mod uffiċjali. Dan kompla jżid id-dubji … hemm min għandu interess li din issir hemm, akkost ta’ kollox?