Knisja Lokali

Titħassar il-Festa ta’ Santu Wistin

Il-parroċċa ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta ħassret il-festa esterna ddedikata lill-istess qaddis u li kienet se tkun iċċelebrata l-Ħadd li ġej. B’hekk issa se jsiru biss iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi fuq ġewwa.

Din l-aħbar ħarġet wara li kien hemm aktar żviluppi fil-każ li qed jidwi mal-parroċċa Beltija u li jirrigwardja lil Patri Deo Debono … fl-aħħar sigħat sar magħruf ukoll li mistenni jitressaq il-Qorti.

Debono issa twaqqaf ukoll milli jibqa’ kappillan tal-istess parroċċa waqt li l-Arċisqof Charles J. Scicluna waqqfu milli jipprattika d-dmirijiet Saċerdotali sakemm jitlestew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija.

Dan wara li l-Pulizija, fl-aħħar jiem sabet il-pitturi li fi Frar li għadda kienu nsterqu mis-sular ta’ fuq tal-Kunvent tal-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta.

Rapport fil-ġurnal In-Nazzjon kien l-ewwel illi żvela kif dawn il-pitturi nstabu f’post partikulari lesti biex ikunu negozjati u mibjugħa.

Minn stħarriġ li għamilna jirriżulta wkoll li dan il-fond partikulari jappartjeni għal persuni li jagħmilha ta’ middle man fil-bejgħ ta’ oġġetti antiki u oġġetti ta’ natura reliġjuża.

Oriġinarjament l-eks kappillan kien qal li ma kellux idea meta setgħet saret is-serqa mis-sular ta’ fuq tal-kunvent.  Issa, Patri Deo Debono se jkun qed jitressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ.

Fl-aħħar sigħat, il-familja ta’ Debono spiċċat tiħodha wkoll kontra l-Arċisqof, li ħa azzjoni fil-konfront tal-patri fid-dawl tal-akkużi kontrih.

“Lill-Arċisqof ngħaddilu messaġġ minn hawn u ngħidlu li żbalja ukoll għalija, għalkemm naf li hija prassi u normali, pero’ missu ftakar li l-kappillan uman u għandu familja.”

Din id-dikjarazzjoni kitbitha fuq il-midja soċjali oħt Patri Debono, f’dik li timmarka l-ewwel reazzjoni tal-familja sa mindu, fil-bidu tal-ġimgħa fil-parroċċa ta’ Santu Wistin bdiet tiġri ix-xniegħa li l-kappillan kien allegatament involut fis-serqa ta’ pitturi imprezzabbli.

Sadattant, anke l-midja internazzjonali issa qed titkellem dwar l-iskandlu li fih hu involut l-eks Kappillan tal-Knisja ta’ Santu Wistin, Deo Debono. Fl-Italja, il-Blitz Quotidiano jirrakkonta kif Debono jinsab akkużat b’kompliċita biex jinsterqu għexieren ta’ oġġetti sagri u ta’ valur. Il-każ kien rappurtat ukoll fuq is-sit The World News, u saħansitra fuq l-ANSA li b’artikli b’diversi lingwi wasslet din l-aħbar mal-erbat irjieħ tad-dinja.

Patri Deo Debono