Lokali

“Uħud qed iwettqu l-bużullotti u jilgħabu noli b’fondi pubbliċi” – Joe Brincat

Jitlob laqgħa mal-Awditur Ġenerali biex jgħaddilu aktar informazzjoni

Il-Gvernatur tal-MFSA Joe Brincat, li ftit tal-jiem ilu akkuża lill-Kap Eżekuttiv Joseph Cuschieri b’abbuż tal-poter u b’abbuż minn fondi pubbliċi, jixtieq li jiltaqa’ mal-Awditur Ġenerali biex jitkellem miegħu fuq dan l-iskandlu u jipprovdilu l-informazzjoni meħtieġa.

Dwar dan il-każ l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji għażlet li tibqa’ siekta u baqgħet xotta anki minn kliemha fuq dan il-każ.

Infatti kien l-eks Ministru Laburista Joe Brincat li ppreżenta Protest Ġudizzjarju fejn kixef skandlu kbir ieħor fl-MFSA, biċ-Chief Operating Officer tal-Awtorità offrut somma flus biex iħalli postu wara argument jaħraq dwar l-operat, propju mal-Kap Eżekuttiv.

Joe Brincat fil-midja soċjali kiteb li “spiċċaw iż-żminijiet tar-Rejiet u l-Irġejjen”. Huwa insista li hu għadu soċjalist iżda qal li uħud qed iwettqu l-bużullotti u jilgħabu noli b’fondi pubbliċi.  

Dan il-każ isegwi ieħor żvelat ftit jiem qabel, meta sar magħruf li George Spiteri ħa €150,000 mingħand l-MFSA biex jirtira mill-kariga tiegħu bħala Direttur għar-Riżorsi Umani, iżda eventwalment reġa’ spiċċa jagħmel l-istess xogħol ftit tal-jiem wara, mal-MBR.

Dwar dawn iż-żewġ skandli fi ftit jiem, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kkundannat il-mod kif l-MFSA qed tagħmel użu minn fondi pubbliċi mingħajr għaqal u reqqa, b’mod li jmur kontra l-prinċipji ta’ governanza tajba.

Adrian Delia qal li ma jgħaddix jum wieħed li ma nisimgħux bi skandlu ġdid tal-Gvern Laburista. Il-Kap tal-PN tenna li minkejja t-trasparenza li l-Gvern Laburista dejjem wiegħed li se jmexxi biha fi skandlu serju bħal dan jibqa’ s-silenzju assolut. L-Oppożizzjoni se titlob ukoll li dawn il-każijiet jiġu diskussi u investgati b’mod urġenti mill-Kumitat Parlamentari għall-fondi pubbliċi, il-PAC.