Lokali

AĠĠORNATA: Żagħżugħ iweġġa’ gravi wara li waqa’ minn fuq pont mudlam fil-Buskett

Żagħżugħ ta’ 16-il sena min-Naxxar weġġa’ gravi wara li waqa’ minn għoli ta’ madwar sular. L-inċident seħħ fil-Buskett ilbieraħ, għall-ħabta tat-8pm.

NET News jinsab infurmat li hu kien parti minn grupp ta’ żgħażagħ, li waranofsinhar iltaqgħu għal picnic.

Fi tmiem l-attività, fi triqthom lejn it-toroq prinċipali ta’ barra l-Buskett, huma għaddew minn fuq pont b’ħajt baxx u fid-dlam. L-uniku dawl li jixgħel dan il-pont jiġi minn ristorant li hemm fil-qrib, li iżda dak il-ħin kien magħluq.

Kien f’dan l-istadju li, għal xi raġuni, iż-żagħżugħ spiċċa waqa’ mill-għoli ta’ madwar sular. Minħabba li spiċċa f’żona mhux faċilment aċċessibbli u anke minħabba d-dlam, hu seta’ jittella’ biss grazzi għal ħidma minn membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Huma waslu flimkien mal-Pulizija u anke ma’ tim mediku mill-Isptar Mater Dei. Iż-żagħżugħ ingħata l-ewwel kura fil-post qabel ma ttieħed l-Isptar għal aktar kura.

Hemm, hu kien iċċertifikat li qed isofri minn feriti gravi, filwaqt li aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.