Arsenal finalisti telliefa tal-edizzjoni tas-sena l-oħra, bdew fuq nota pożittiva meta fl-iktar logħba mistennija fl-ewwel ġurnata tal-gruppi, għelbu lil Eintracht Frankfurt fil-Ġermanja.
Il-bidu kien wieħed tajjeb għall-Ġermaniżi li fallew diversi ċansijiet ta’ skor, iżda kien Wilcock li fetaħ l-iskor għall-Gunners fit-38 minuta.
L-isforzi ta’ Eintracht Frankfurt ħadu daqqa ta’ ħarta 11-il minuta mit-tmiem meta Kohr dabbar it-tieni karta safra u b’hekk Frankfurt kellhom ikomplu b’għaxar plejers.
Arsenal approfittaw u b’żewġ gowls oħra fl-aħħar minuti tal-logħba għamlu l-iskor wieħed kbir.
Il-gowls tal-Gunners kienu skorjati minn Saka u Aubameyang fil-85 u fit-88 minuta.
Manchester United ukoll bdew b’rebħa meta f’Old Trafford għelbu lil Astana 1-0.
Il-gowl tar-Red Devils kien skorjat mill-istilla żagħżugħa Greenwood.
Il-klabb l-ieħor f’din il-kompetizzjoni sofra telfa f’daru. Fil-Molineux Wolves kienu megħluba minn Braga 0-1.
Xorti mħallta għat-timijiet minn Ruma, fejn Roma kisbu rebħa kbira ta’ 4-0 u Lazio kellhom ibaxxu rashom kontra CFR Cluj.
Fi Stadio Olimpico Roma kellhom jistennew sa ftit minuti qabel l-intervall biex fetħu l-iskor kontra t-Torok ta’ Basaksehir.
Kellu jkun awtogowl li witta t-triq għal din ir-rebħa kbira, bit-tliet gowls l-oħra jaslu fit-tieni taqsima permezz ta’ Dzeko, Zaniolo, u Kluivert.
Lazio bdew tajjeb kontra Cluj u marru minn fuq 25 minuta permezz ta’ Bastos,
Daec minn penalty kiseb id-draw qabel l-intervall u Omrani skorja l-gowl rebbieħ kwarta mit-tmiem.
Disfatta kbira għal Borussia Monchengladbach li tilfu f’darhom 0-4 kontra Wolfsberger, tim Awstrrijak fid-debutt tiegħu fil-kompetizzjonijiet Ewropej.