MOSTA……………….. 1 BIRKIRKARA……………….. 1
Mosta: A. Vella, D. Xuereb, T. Farrugia, R. Morisco, D. Bonnici (K. Gatt 90’), L. Villareal, M. Muchardi, N. Kotlov (Z. Brincat 62’), E. Murga, A. Roach (G. Aquilina 88’), W. Gomes
Birkirkara: A. Hogg, C. Attard, O. Carniello, E. Pepe, K. Zammit, R. Fenech, R. Briffa, M. Alba (M. Mifsud 81’), C. Prado, E. Luis dos Santos (M. Vella 59’), F. Falcone
Imwissija: O. Carniello 14’, E. Luis dos Santos 25’ (B), E. Murga 25’, L. Villareal 27’, D. Xuereb 71’ (M)
Skorjaw: E. Murga 18’ (M), M. Alba 71’ (B)
Referee: Matthew Degabriele
Assistenti Referees: Paul Apap, Ivan Galea
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Caio Prado (Birkirkara)
BOV Plejer tal-logħba: Caio Prado (Birkirkara)
Attendenza: 849
Għalkemm kienu l-aktar tim li kellu l-aktar pussess u li ħoloq okkażjonijiet ta’ skor, Birkirkara temmew il-logħba frustrati li ma rnexxielhomx jiksbu r-rebħa. B’hekk għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa fil-kampjonat u jinsabu b’żewġ punti biss minn erba’ logħbiet. Mosta ddefendew b’għaqal għal ħinijiet twal iżda l-ftit li ħarġu jattakkaw, dejjem kienu perikolużi u forsi kieku kienu aktar avventurużi speċjalment fit-tieni taqsima, setgħu jkunu ta’ periklu akbar għad-difiża Karkariża.
Il-kowċ ta’ Birkirkara Andrè Paus fit-tieni logħba tiegħu, għamel tliet bidliet mid-draw kontra Balzan. Bdew mal-ewwel ħdax Kurt Zammit, Roderick Briffa u Edison Luis dos Santos flok Isaac Ntow, Maurizio Vella u Michael Mifsud rispettivament. Fuq in-naħa l-oħra, il-kowċ ta’ Mosta Mark Miller għamel bidla mit-telfa kontra Senglea Athletic, b’Leonardo Villareal jibda flok Momodou Jallow.
Mosta setgħu fetħu l-iskor wara tliet minuti bi kross mix-xellug isib lil Matias Muchardi li iżda xeħet barra minn qagħda ideali. Birkirkara wieġbu ħolqu l-ewwel azzjoni perikoluża tagħhom wara 16-il minuta b’passaġġ preċiż fl-ispazju ta’ Ryan Fenech lejn Caio Prado li avvanza mix-xellug iżda x-xutt finali kien imdawwar f’korner. Ftit sekondi wara, xutt b’saħħtu bil-lemin ta’ Fenech għadda ftit barra.
Mosta fetħu l-iskor fit-18-il minuta bi kross mil-lemin ta’ Akeem Roach isib lil EDIN MURGA li xxuttja mill-ewwel, bil-ballun jaħbat mal-art u spiċċa qabeż fuq Andrew Hogg. Wara dan il-gowl, il-logħba għaddiet minn mumenti ta’ daħliet ftit goffi li żiedet it-tensjoni bejn iż-żewġ settijiet ta’ plejers.
Birkirkara fetħu t-tieni taqsima fuq l-attakk u setgħu faċilment ġabu d-draw. Wara nofs minuta, xutt fil-baxx ta’ Caio Prado għadda ftit barra biex fid-49 minuta Federico Falcone kellu jagħmel aħjar mill-viċin, bix-xutt finali jkun salvat. It-tim ta’ Paus baqa’ bil-pussess tal-ballun iżda ftit kienu perikolużi, bil-periklu jasal fis-66 minuta b’azzjoni personali ta’ Caio Prado li xxuttja iżda t-tentattiv spiċċa ftit barra.
L-Istripes ingħataw penalty fil-71 minuta għal fawl ta’ Dexter Xuereb fuq Kurt Zammit f’tarf il-kaxxa. Inkariga ruħu MIGUEL ALBA li skorja b’xutt fil-baxx fuq ix-xellug tiegħu.
Mosta ħarġu ftit mill-qoxra difensiva u għal ftit ma reġgħux marru fil-vantaġġ fil-81 minuta. Murga għadda fl-ispazju lejn Zachary Brincat li daħal f’kuntrast ma’ Andrew Hogg. Il-gowlkiper Karkariż baqa’ mal-art iżda Brincat dam biex ikkonkluda u x-xutt tiegħu kien blokkat fil-ħin minn Kurt Zammit. Tliet minuti wara, xutt tal-istess Brincat għadda barra.
Aktar azzjonijiet għal Birkirkara b’xutt ta’ Roderick Briffa jkun imxellef biex ftit sekondi wara, xutt mill-ewwel u b’saħħtu tas-sostitut Michael Mifsud għadda ċentimetri fuq il-mimduda. Birkirkara kellhom il-gowl tar-rebħa fis-87 minuta iżda mill-viċin Falcone xeħet għoli. Fl-aħħar minuti l-Karkariżi baqgħu jisfurzaw għar-rebħa iżda kważi ssugraw li jitilfu, b’Hogg isalva tajjeb xutt mill-viċin ta’ Murga.
//= $special ?>