Internazzjonali

Brexit: Possibbiltà ta’ ftehim ġdid…

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, qal li ftehim ġdid mal-Britanniċi dwar Brexit ‘jista’ jintlaħaq xorta’ qabel il-31 ta’ Ottubru – li hu d-deadline għat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Sadanittant, il-Prim Ministru Britannniku, Boris Johnson, qal li ‘sar ammont ta’ progress’ iżda wissa li hu importanti li wieħed ma jeżaġerax fl-aspettativa.

Dan waqt li l-Gvern tal-Irlanda qed itenni li ‘fadal distakk konsiderevoli’ bejn ir-Renju Unit u l-UE fejn tidħol politika dwar Brexit li hi aċċettabbli għal kulħadd.

Intant, Michel Barnier, in-negozjatur ewlieni tal-UE dwar Brexit, illum, kellu taħditiet mas-Segretarju Britanniku għal Brexit, Stephen Barclay.

Wara t-taħditiet, Barclay qal li r-Renju Unit u l-Unjoni ‘qed jaqsmu għan komuni’ fl-impenn lejn ftehim ġdid għal Brexit u li l-Prim Ministru Johnson u Juncker ‘huma ċari li dan jibqa’ it-tragward’.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qalet li hi ‘miftuħa’ għall-proposti min-naħa tar-Renju Unit.

Boris Johnson, li qal li jippreferi li r-Renju Unit iħalli l-UE bi ftehim, qed jinsisti biex l-Unjoni twarrab il-kundizzjoni tal-backstop li tevita l-kontrolli riġidi għall-fruntiera Irlandiża ladarba jikkonkludu l-proċess ta’ Brexit. Hu qal li r-Renju Unit jeħtieġ li joħroġ mill-UE ‘b’mod li bih ma jibqax taħt il-kontroll tal-Unjoni f’termini legali u fejn tidħol politika kummerċjali’

Filwaqt li l-UE qed titlob għal proposti alternattivi minn Londra, Jean-Claude Juncker qal li ‘mgħandu l-ebda irbit emozzjonali’ mal-kunċett tal-backstop u li dan ma jkunx meħtieġ f’każ li jkunu sodisfatti ‘il-kriterji kollha ta’ Brexit’.