Lokali

F’nofs skandlu ieħor: Muscat jiddefendi lit-tmexxija tal-MFSA

“Fiduċja sħiħa fit-tmexxija tal-MFSA”. Dikjarazzjoni ċara u b’sorpriża għal ħafna mill-Prim Ministru Joseph Muscat fid-dawl tal-allegazzjonijiet serji li għamel l-eks Ministru u eks Depuat Mexxej Laburista Joe Brincat dwar l-użu ħażin tal-fondi pubbliċi f’din l-Awtorità.

Minn Awwissu 2018, l-MFSA bdiet taqa’ taħt ir-responsabbiltà politika tal-Prim Ministru Joseph Muscat. U għalhekk, morna nistaqsu direttament lil Muscat x’se jagħmel wara dawn l-allegazzjonijiet. Iżda hu kien xott fit-tweġiba u baqa’ jiddefendi lill-Kap Ezekuttiv Joseph Cuschieri.

Dan hu l-istess Muscat li, qabel l-elezjoni tal-2013, kien qal li bi Gvern Laburista, se tkun miġġiedla l-korruzzjoni sa mill-iċken allegazzjoni u b’tolleranza zero. Iżda issa mhux talli hekk, talli Muscat innifsu qed jinjora għal kollox allegazzjonijiet serji ppreżentati mill-eks Deputat Mexxej tal-partit tiegħu stess.

Skiet ukoll mill-MFSA wara li l-Avukat Joe Brincat ippreżenta l-Protest Ġudizzjarju fejn kixef skandlu ieħor. Dan wara li ċ-Chief Operating Officer tal-Awtorità ġie offrut flus biex iħalli postu wara argument jaħraq mal-Kap Eżekuttiv Joseph Cuschieri.

L-istess għamel il-Gvern meta dwar il-“golden handshake” lil George Spiteri, baqa’ fil-muta u sadanittant, Spiteri ngħata pakkett ta’ 150,000 ewro biex jirtira kmieni.

Min-naħa tiegħu, fuq Twitter, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kiteb li f’dan l-istadju, il-ballun issa hu f’saqajn il-Prim Ministru. Dan wara li l-eks Deputat Mexxej Laburista allega abbuż serju fl-MFSA u l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna żvela li l-Awtorità hi issa f’idejn il-Prim Ministru.