Lokali

Il-Gvern jaħtar l-Inkjesta Pubblika Indipendenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Anqas minn ġimgħa minn meta kellu jintemm it-terminu mitlub mill-Kunsill tal-Ewropa għal Inkjesta Indipendenti wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, tard illejla l-Gvern ħabbar li l-Imħallet Emeritus Michael Mallia nħatar biex imexxi Kummissjoni ta’ Inkjesta Pubblika Indipendenti.

Il-Kummissjoni se tkun magħmula wkoll mill-eks Dekan tal-Fakultà tal-Liġi u Espert Kostituzzjonali, il-Professur Ian Refalo, u l-Espert Forensiku Anthony Abela Medici. Madankollu, fl-istess stqarrija, il-Gvern qal li għad għandu riżervi kbar dwar ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

Din l-Inkjesta Pubblika għandha tiġi konkluża fi żmien disa’ xhur u tiġi ppubblikata fuq gwida tal-istess Kummissjoni, li se tkun qed tirregola lilha nnifisha.