Lokali Qorti

Immigrant li jipprova jaħrab miżmum taħt arrest

Immigrant ta’ 16-il sena li pprova jaħrab miċ-ċentru ta’ detenzjoni ġewwa Ħal-Safi fejn allegatament gidem ukoll uffiċjal fit-tentattiv tiegħu li jikseb il-ħelsien, baqa jinżamm taħt arrest wara li ammetta li żbalja.

Iż-żagħżugħ ipprova jaħrab għall-ħabta tal-4pm meta ixxabbat ma’ ċint tal-metall u kien hawn li sar agressiv hekk kif l-uffiċjali ta’ detenzjoni ppruvaw jimblukkawlu l-aċċess biex jaħrab, fejn f’ħinijiet bdew jippruvaw jiġbduh l-isfel.

“Dan it-tifel għadda minn ħafna nkwiet u għandu karattru diffiċli. Għandu bżonn l-għajnuna. Verament ipprova jaħrab minn post li minnu nniffsu huwa ħolma kerha. Ma kkommetta l-ebda att terroristiku,” qal l-Avukat Difensur Stephen Tonna Lowell.

Huwa argumenta ukoll li allegatament l-uffiċjali bdew jiġbduh l-isfel b’mod goff minflok ħallewh jinżel bil-kwiet. Iż-żagħżugħ kien mixli li ħarab minn kustodja, li b’mod vjolenti rreżista l-arrest, li fera ħafif uffiċjal tad-detenzjoni, li hedded lil dawk li kienu qegħdin jagħmlu xogħolhom u anke li għamel ħsara fin-nuċċali ta’ uffiċjal pubbliku.

Waqt li kien fl-iżbarra, l-akkużat li ma jifhimx la bil-lingwa Ngliża u lanqas bil-Malti kien liebes flokk bil-messaġġ fuq ta’ “I want freedom”. Wara li kkonsulta mal-Avukat tiegħi t-tifel ammetta l-akkużi miġjubin kontrih bl-assistenza ta’ interpretu tal-lingwa Għarbija.

Fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, l-Avukat Tonna Lowell talab lill-Qorti tordna ‘pre-sentencing report’ minn uffiċjal tal-probation. Madankollu peress li huwa m’għandu l-ebda membru tal-familja li jista’ jipprovdi l-informazzjoni neċċessarja, l-uffiċjal assenjat għal dan ix-xogħol kellu jikkonsulta ma’ Katrine Camilleri, mis-Servizzi tar-Refuġjati tal-Ġiżwiti.

Mhux biss iżda anke ma’ rappreżentant mill-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenzija għal ħtiġijiet ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil. Wara li l-Ispettur Roderick Attard qabel ma dan kollu, l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli, laqgħet it-talba, u għamlet rakkomandazjoni biex it-tifel ikun detenut fil-‘Young Offenders Unit’. Ma saret l-ebda talba għal libertà proviżorja.