Lokali Qorti

Inċident fuq sigarett, jixgħel il-fjamma li wasslet għal ġlieda kbira fix-Xagħra, Għawdex

Inċident li beda fuq sigarett wassal għal ġlieda kbira fix-Xagħra, Għawdex fejn sussegwentement raġel ta’ 40 sena spiċċa l-Qorti fejn ġie mwissi biex l-aġir tiegħu jiġi kkontrollat. Ingħad li l-persuni nvoluti fil-ġlieda kellhom fil-pusses tagħhom sikkina u ħadida.

L-akkużat kellu xi jgħid ma’ grupp ta’ Franċiżi fejn skont hu kienu jipparkjaw bl-addoċċ u joħorġu l-iskart kmieni. Abduraouf Younis Mansur Altabib kellu l-każ tiegħu deċiż fil-Qorti ta’ Għawdex preseduta mill-Maġistrat Brigitte Sultana.

Altabib imwieled Tripli u residenti x-Xagħra kien investigat mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri u ngħata tbeżbiża mill-Qorti li anke rrikonnoxxiet il-fatt li huwa raġel tal-familja u għaldaqstant poġġietu taħt probation.
Il-każ inkwisstjoni seħħ fil-5 ta’ Settembru li għadda bejn id-9.00am u l-10.00am waqt li kien qiegħed ġewwa blokka ta’ appartamenti bil-isem ‘Il-Gallarija’, fix-Xagħra Għawdex.

Fix-xhieda tagħha Ninon Machault qalet x’ġara dak inhar ta’ l-inċident ma’ l-akkużat. Din bdiet tgħid li mhux hi kienet li ċemplet lill-Pulizija. Qalet li kienet qed tpejjep sigarett fuq it-turġien ta’ barra l-blokka ta’ l-appartamenti fejn kienet qed tgħix waqt il-btala taghha. L-akkużat avviċinha u qalilha sabiex tmur tpejjep aktar ‘il bogħod.

Qalet li ma bdietx tifhem dak kollu li kien qed jgħidilha iżda fehmet xi kliem bl-Ingliż bhal “fu** you”. Tenniet li huwa resaq viċin ħafna tagħha u ħasset li kien aggressiv. Imbagħad daħal id-dar tiegħu u hi marret lura fl-appartament fejn irrakontat kollox lis-sieħeb tagħha, kif ukoll lil sid l-appartament Mikael Francois Fernard, li huwa ħabib tagħhom u li kienu qed jgħixu miegħu.

Xehdet ukoll li ftit ħin wara, akkumpanjata mill-‘boyfriend’ tagħha reġgħet niżlet biex imorru Kemmuna u Altabib reġa’ ħareg u baqa’ jinsulentahom.
Ikkonfermat li ma kellux ħadid f’idu meta niżel magħhom. Ix-xhud iżda
identifikat ħadida esebita bħala dik li kellu l-akkużat.

Xehed ukoll Benoit Caudal is-sieħeb ta’ Machault. Qal li huma kienu qed jipprepara biex joħorġu u s-siehba tiegħu daħet tibki u rrakontatlu li l-ġar ta’ Mikael kien ghadu kemm insulentaha. Tenna li sa dak il-ħin ma kien sema’ xejn. Qal ukoll li diġa kellhom xi jgħidu mal-imputat fuq kif kienu pparkjaw l-‘iscooter’.

Dan ix-xhud ikkonferma li kien hu li avviċina lill-imputat u staqsieh ir-raġuni għalfejn insulenta lis-sieħba tiegħu. Kważi ġew fl-idejn u mbagħad niżel Mikael u kompliet tisħon.

Mistoqsi mill-Qorti jekk l-imputat kienx armat mill-ewwel jew inkella ġabx il-ħadida wara li niżel Mihael, ix-xhud ikkonferma li Mihael niżel b’lembuba f’idu u malli ra hekk l-imputat mar u ġab ħadida.

Kompla jgħid li l-imputat kien qalilhom li kien se jċempel lill-Pulizija
u li huma qalulu li jista’ jagħmel hekk. Xehed ukoll sid l-appartament Mikael Francois Fernard. Dan ikkonferma li sar jaf bl-argument li kien għadda bejn il-ħabiba tiegħu u l-imputat ghax qaltlu hi. Ikkonferma li l-imputat kien ċempel għall-pulizija.

Huwa kkonferma wkoll li meta niżel fit-triq għax kien sema’ l-għajjat ħa miegħu l-lembuba għax fil-passat kellu xi jgħid ma’ l-imputat u ried
jiddefendi ruħu. Xehed li l-imputat kellu ħadida f’idu u beda jxejjirha lejh. Xehed ukoll li kellu sikkina moħbija taħt il-qmis u anke għamillu sinjal li ried jaqtagħu rasu.

Ix-xhud identifika s-sikkina bħala l-arma li kellu l-imputat dak inhar ta’ l-inċident. Is-Surġent Shaun Tabone xehed li persuna anonima kienet ċemplet l-għassa u rrapurtat li kienet għaddejja ġlieda fi Triq is-Srug, Xagħra. Meta marru fuq il-post sabu lill-imputat irrabjat barra fit-triq.

Dan infurmahom li kien hemm grupp Francizi li kienu qed ipejjpu fil-komun, jipparkjaw bl-addoċċ u joħorgu l-iskart kmieni. Gharrafhom li kien kellem lil waħda minnhom u li wara niżel raġel u heddu b’arma li tixxokkja.

Meta waslet għas-sentenza l-Qorti qalet li mix-xhieda prodotta mill-Prosekuzzjoni toħrog stampa ċara fejn jirriżulta li l-imputat avviċina lil Machault li kienet qed tpejjep fil-bieb ta’ barra tal-blokka ta’ l-appartamenti u ppretenda li hija tmur tpejjep band’ohra.

Kellimha b’lingwa li hija ma fehmitx għal kollox pero’ uħud mill-kliem kienu jiftehmu u kienu offensivi, u hi ħassitha aggredita.
Il-Qorti, iżda qalet li mhijiex konvinta li l-imputat għolla leħnu wisq magħha sempliċiment gċax is-sieħeb tagħha xehed li huwa kien fl-appartament fuq u ma kien sema’ xejn – sar jaf bl-inċident għax qaltlu hi meta reġgħet lura fuq.

Jirriżulta wkoll li meta iż-żewġ Francizi, Ninon Machault u Benoit Caudal kienu neżlin it-taraġ biex imorru Kemmuna kien Benoit Caudal li kellem lill-imputat u mhux bil-kontra.

Dan għamlu għax ried spjegazzjoni mingħand l-imputat għal dak li kien intqal lil Ninon Machault – dan il-komportament minn naħa ta’ Benoit Caudal xegħel il-miċċa tal-fjamma.

Tant hu hekk illi Mikael Francois Fernard xehed li hu sema’ l-għajjat u niżel. Ikkonferma li miegħu nizzel lembuba. Ix-xhieda jikkonfermaw li limputat ma kienx armat sakemm kellimhom. Jirriżulta li l-imputat gab hħdida u sikkina meta ra lil Mikael Francois armat bil-lembuba.

Il-Qorti qalet illi f’dan il-każ l-aġir tax-xhieda Benoit Caudal u Mikael Francois Fernard u l-karattru volatili ta’ l-imputat kienu l-ingredjenti illi ipprecipitaw l-incident. Huwa ċar illi l-imputat ireaġixxa għall-ambjent ikkreat minn Caudal u Fernard.

Madankollu ma jfissirx, qalet il-Qorti li qiegħdha b’xi mod tiġġustifika l-agir ta’ l-imputat. Il-Qorti kellha ċ-ċans tosserva l-komportament ta’ l–imputat fl-awla waqt illi kienu qed jinqrawlu l-akkużi u matul l-ispjega kif ukoll waqt ix-xhieda.

Il-Qorti kemm-il darba wissiet lill-imputat biex jikkontrolla ruħu kif ukoll ma jibqax aġitat. Il-komportament ta’ l-imputat huwa wieħed li jenħtieġ li jiġi kontrollat. L-użu ta’ hadida u sikkina żgur ma humiex l-għodda ġusta sabiex tinstab soluzzjoni. Dan l-argument seta’ kellu eżitu ferm differenti qalet il-Qorti.

Sadanittant filwaqt li Abduraouf Younis Mansur Altabib instab ħati tal-akkużi miġjubin kontrih, rigward piena li għandha tingħta, l-Qorti qieset iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ u l-mod ta’ kif żviluppa l-argument.

Qalet li l-imputat huwa missier ta’ familja bi tfal minuri li jiddependu minnu u għalhekk il-Qorti hija tal-fehma li piena karċerarja f’dan l-istadju mhijiex se tħalli il-frott li wieħed ikun qed jistenna, anzi il-kuntrarju.

Ghalhekk il-Qorti qalet li hija tal-fehma li jeżistu ċ-ċirkostanzi meħtiega li il-ħati jitqiegħed taħt ordni ta’ probation għall-perjodu ta’ sena u dan li għal dan l-iskop ordnat li l-ħati jitqiegħed taħt is-sorveljanza ta’Uffiċjal tal-Probation indikat lilu mid-Direttur tas-Servizzi tal-Probation u Parole.