Iż-żagħżugħ Jake Muscat beda l-esperjenza tiegħu fil-Montenegro mal-klabb Jadran Carine, esperjenza li mistennija tgħinu biex ikompli jitjieb. Muscat hu meqjus bħala wieħed mit-talenti tal-futur tal-waterpolo lokali u saħansitra diġà għamel id-debutt mat-tim nazzjonali. Muscat li għad għandu 16-il sena, se jkun taħt il-gwida tal-kowċ Vladimir Gojkovic, persuna li bħala plejer kien lagħab f’pajjiżna fl-2011 ma’ Neptunes.
Din l-aħbar kienet ġiet żvelata fir-rokna Stilel tal-Futur fil-programm ta’ Net Television Man Up+ fil-bidu ta’ Lulju. F’dan is-servizz kienu tkellmu ż-żewġ kowċis ta’ Jake Muscat dwar din l-esperjenza. “Naħseb li issa l-punt li jmiss huwa li jmur jilgħab barra. Diġà għandna pjanijiet għalih jiġifieri, ħa jmur nisperaw il-Montenegro jiġifieri kważi wasalna ffinalizzajna l-kuntratt tiegħu wkoll biex imur jittrenja mal-Jadran Herzeg Novi u jilgħab ukoll,” qal Izzo fis-servizz Stilel tal-Futur. Popovic qal li jittama li Muscat jirreżisti fil-Montenegro għaliex sostna li jekk jirnexxilu jagħmel dan, jista’ jsir plejer importanti.
Muscat beda jkun utilizzat fl-iskwadra ewlenija taċ-champions Neptunes mill-Kampjonat tax-Xitwa tal-2018 u minn dakinhar kompla jżid fil-logħob tiegħu u anki sab ix-xibka diversi drabi. Fil-Kampjonat tax-Xitwa hu skorja erba’ darbiet, ftit ġimgħat biss wara li kienu għadu għalaq il-15-il sena, u fil-Kampjonat tas-Sajf Muscat sab ix-xibka darbtejn.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Enemed Cup, Jake Muscat ta’ 16-il sena, spiċċa l-aqwa skorer tal-kompetizzjoni b’25 gowl minn seba’ logħbiet filwaqt li skorja medja ta’ żewġ gowls fil-logħbiet li lagħab fil-Kampjonat tax-Xitwa. F’dan l-istaġun tas-sajf, Muscat sab ix-xibka seba’ darbiet.
//= $special ?>