Internazzjonali Lokali

L-Unjoni Ewropea: Jiżdiedu s-sejħiet għar-redistribuzzjoni ‘xierqa’ tal-immigranti

L-Istati-membri tal-UE innutaw żieda regolari fl-ammont tal-immigranti li qegħdin jidħlu fl-Ewropa. Dan fost il-pressjoni għal sistema aktar xierqa rigward l-akkommodazzjoni – u, f’ħafna każi, ir-rilokazzjoni  — tal-immigranti li qed ikunu salvati mill-Mediterran.

Franza u l-Italja huma fost l-aktar pajjiżi li qed jinsistu għal sistema ġdida ‘għar-redistribuzzjoni awtomatika’ tal-immigranti madwar il-pajjiżi tal-Unjoni. Dan waqt li l-President Franċiż, Emmanuel Macron, tenna, f’nofs il-ġimgħa, li ‘l-Unjoni Ewropea ma urietx solidarjetà biżżejjed mal-pajjiżi ‘tagħha’ li qed jieħdu ħsieb il-gruppi tal-immigranti li jaslu fl-ibħra tagħhom.’

Mijiet ta’ immigranti, din il-ġimgħa, waslu l-Italja u l-Greċja – b’ħafna minnhom jivvjaġġaw għal hemm bid-dgħajjes li kienu telqu mil-Libja u t-Turkija.

Macron, intant, qed jgħid li ‘sistema għad-distribuzzjoni tal-immigranti’ mhix xierqa u ġusta għall-Italja. Il-President Franċiż din il-ġimgħa kellu taħditiet, f’Ruma, mal-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte – b’Macron, wara, itenni li ‘Franza tinsab lesta’ biex tiżviluppa l-mezzi biex jirrifurmaw is-sistema attwali li tieħu ħsieb l-immigranti li qegħdin jidħlu l-Ewropa.

L-Italja, li qed iġġorr l-akbar piż mill-influss tal-immigranti, qabel, ikkritikat lill-Istati tal-UE talli mhumiex jaqsmu biżżejjed minn din ir-responabbiltà umana.

Waqt li l-eks Viċi-Prim Ministru u Ministru tal-Intern Taljan, Matteo Salvini, sa ftit ilu, ma ppermettiex li d-dgħajjes tal-gruppi karitatevoli jdaħħlu l-immigranti (miġubra mill-Mediterran) fil-portijiet tal-Italja, il-Gvern ġdid ta’ koalizzjoni, fl-aħħar ġranet, biddel l-atteġġjament u, fi tmiem il-ġimgħa, ta permess lil 82 immigrant biex jiżbarkaw fuq il-gżira ta’ Lampedusa.

Eluf ta’ immigranti, kull sena, qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa – bil-vjaġġi kemm-il darba jsiru bid-dgħajjes iffullati ż-żejjed bin-nies u bir-riżultat li ħafna immigranti jitiflu ħajjithom ‘f’nofs triq’.

Nhar it-Tlieta waslu mat-800 immigrant fil-Greċja, biż-żieda qawwija tal-immigranti, f’dawn il-jiem, toħloq problemi ġodda għaċ-ċentri fil-gżejjer Griegi li qegħdin jipprovdulhom l-akkommodazzjoni fost l-evalwazzjoni dwar x’għandu jsir minnhom,

Iċ-ċentru fuq il-gżira ta’ Lesbos hu attrezzat biex jieħu 3,000 immigrant iżda bħalissa qed jilqa’ ’l fuq minn 10,000. Dan meta gżejjer Griegi oħrajn bħal Kos u Samos ukoll qegħdin jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ iffullar żejjed tal-immigranti.

It-Turkija, li qed tilqa’ ’l fuq minn 3.6 miljun Sirjan li ħarbu mill-gwerra ċivili ta’ pajjiżhom, wissiet li ‘se jkollha tiftaħ il-bibien (għall-immigranti) lejn l-Ewropa’ f’każ li ma tingħatax appoġġ loġistiku għat-twaqqif ta’ ‘zona tas-sigurtà’ għar-refuġjati fis-Sirja.

Taħt il-ftehim tal-2016 mal-UE, it-Turkija imponiet kontrolli aktar stretti bil-għan li titrażżan il-firxa tal-immigranti u r-refuġjati lejn l-Ewropa.