Raġel mill-Għargħur li allegatament ta erba’ daqqiet ta’ sikkina lil kuġinuh inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli fil-Qorti tal-Maġistrati b’dan ir-reat. Raymond Debono ta’ 58 sena, ġie mixli li wettaq dan ir-reat fuq kuġinuh ta’ 74 sena wara argument fuq kera ta’ residenzi.
Debono, li jaħdem bħala messaġġier mal-Gvern wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih, fejn ġie mixli wkoll li hedded lill-allegat vittma, li kkawżalu ġrieħi gravi u li żamm arma f’dan il-każ sikkina mingħajr permess tal-Pulizija.
L-Ispettur Keith Arnaud li ressaq lil Debono qal li minbarra l-gravità tal-każ, kollox jindika li l-attakk ta’ nhar l-Erbgħa, seħħ mingħajr ma kien hemm provokazzjoni.
“Dan huwa attentat ta’ qtil. Fortunatament, il-vittma qaleb għal aħjar, il-Ħamis li għadda”, qal l-Ispettur Arnaud fil-Qorti. Qal ukoll li l-vittma ta l-verżjoni tiegħu dwar dak li ġara mis-sodda tal-isptar Mater Dei fejn qed jiġi rikoverat.
L-Ispettur Arnaud argumenta li peress li l-vittma għad irid jixhed fil-Qorti f’dawn il-proċeduri, t-talba għall-ħelsien mill-arrest m’għandhiex tintlaqa’. Qal ukoll li terza persuna li kumbinazzjoni kienet għaddejja mis-sqaq fejn sar l-inċident fil-Għargħur, rat parti mill-inċident, u li wkoll għad trid tixhed fil-każ.
Dwar dan kollu l-Avukat Difensur Edward Gatt qal li kuntrarju għal dak li qalet il-Prosekuzzjoni, l-inċident kien provokat. Fil-fatt, qal li l-akkużat ilu jagħmel rapporti lill-Pulizija fuq l-aġir tal-allegat vittma.
L-argument ilu sejjer fil-familja fuq kirjiet dwar residenzi fejn hemm nuqqas ta’ qbil, qal l-Avukat Gatt. Kompla jgħid li dawn l-argumenti sfortunatament jixgħelu f’pajjiż Mediterranju bħal tagħna.
L-Avukat Gatt spiċċa biex qal li l-inċident kollu nġibed minn CCTV Cameras li jinsabu fil-qrib fejn il-klijent tiegħu bl-ebda mod mhuwa se jiċħad l-involviment tiegħu fil-każ.
It-talba għal libertà proviżorja ġiet miċħuda mill-Maġistrat Audrey Demicoli. L-Ispettur Roderick Spiteri akkumpanja lill-Ispettur Arnaud għan-nom tal-Prosekuzzjoni.
//= $special ?>