Lokali

Opportunità biex il-pubbliku jgawdi l-passa tal-Ħarifa

Il-passa tal-ħarifa tat-tajr tal-priża minn fuq il-gżejjer Maltin issa tinsab fl-aqwa tagħha. Dawn huma ftit mill-għasafar tal-priża li passew minn fuq Malta fl-aħħar jiem.

Ħafna minn dawn l-ispeċi – li jinkludu l-għasafar tal-priża li naraw is-soltu bħall-Bagħdan Aħmar, il-Kuċċarda u l-Astun Iswed – jiġu osservati regolarment mill-mijiet ta’ dilettanti tal-għasafar li f’dan iż-żmien tas-sena jinġabru fil-Buskett biex igawdu l-ispettaklu li dawn l-għasafar kbar jipprovdu fis-sema waqt li jkunu qed jaqsmu minn fuq Malta bħala parti mill-vjaġġ migratorju tagħhom lejn il-post fejn se jqattgħu x-xitwa.

BirdLife Malta se tkun qed tagħti l-opportunità lill-pubbliku biex igawdi dan l-ispettaklu b’attività li se ssir fil-Buskett fl-ewwel weekend ta’ Ottubru.

EuroBirdwatch19 – sensiela ta’ attivitajiet mifruxin fuq jumejn biex tiġi ċċelebrata l-passa tal-ħarifa – jibdew is-Sibt 5 ta’ Ottubru fir-Riserva Naturali tal-Għadira, fejn wieħed irid jibbukkja post għax l-ispazju huwa limitat.

L-għada l-Ħadd, l-NGO ambjentali se tkun qed torganizza sessjonijiet ta’ birdwatching iggwidati għall-familji fil-Buskett.

Il-familji jistgħu jattendu xħin iridu bejn is-2pm u s-7pm, fejn se jkun hemm ukoll attivitajiet għat-tfal.

Din l-inizjattiva hija l-akbar attività annwali li torganizza BirdLife Europe & Central Asia (li fiha hija msieħba BirdLife Malta) madwar l-Ewropa kull sena fil-bidu tal-ħarifa.

Il-parteċipazzjoni f’dawn l-attivitajiet hija b’xejn iżda wieħed jista’ jikkontribwixxi b’donazzjoni lil BirdLife Malta u anke jingħaqad bħala membru.