Miljuni ta’ nies, inklużi tfal u zghazagh, ħadu sehem f’numru ta’ dimostrazzjonijiet madwar id-dinja biex isemmgħu leħinhom kontra l-abbużi li qegħdin jaffettwaw il-klima tad-dinja.

F’Malta wkoll, numru ta’ persuni inġabru fi Pjazza Tritoni…b’ħafna minnhom iġorru kartelluni b’messaġġi marbuta mal-bdil fil-klima u l–ambjent.

Kelliema li ndirizzaw id-dimostranti talbu lill-Gvern biex isejjaħ emerġenza dwar il-klima.
Fost dawk li attendew il-protesta kien hemm il-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent Jason Azzopardi, kif ukoll numru ta’ żgħażagħ mill-fergħa ta’ Teamstart PN.


L-istrike globali kien l-akbar wiehed fl-istorja b’konnessjoni mal-klima, bit-tfal u l-adolexxenti fl-Awstralja, il-Korea t’Isfel, il-Filippini u l-Indja joħorġu mil-lezzjonijiet sabiex jimmarċjaw u jingħaqdu f’kor wieħed ghal miżuri li jindirizzaw il-kriżi fil-klima. Huma, ħeġġew biex l-adulti jaġixxu minnufih ħalli jevitaw diżastru ambjentali.
Id-dimostranti – mir-Renju Unit sat-Tajlanda – insistew b’leħen wieħed ‘għat-tmiem tal-era tal-fossil fuels’ u biex titfassal politika effettiva għal klima li tixraq tassew lill-umanità.
Fl-Awstralja biss ħarġu ‘il fuq minn 300,000 persuna jipprotestaw.

Fir-Renju Unit, spikkat il-preżenza tat-tfal f’aktar minn 150 dimostrazzjoni għall-ħarsien tal-klima, minbarra mijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema. Saru numru ta’ strajks fuq l-istess tema fi bliet bħal Manchester, Bournemouth, Cardiff, Edinburgh u Belfast.
Il-protesta globali se tikkonkludi fi New York, b’diskors mill-attivista Greta Thunberg. Dan qabel it-Tnejn f’New York stess jitlaqqa’ summit importanti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bidla fil-klima.
