Raġel ta’ 33 sena minn Pembroke li qed jistenna l-kawża tiegħu fuq traffikar ta’ 1.5 kilogrammi ta’ raża tal-kannabis, li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklużiv tiegħu, tiġi konkluża qed jallega li t-testijiet forensiċi ma’ kienux awtentiċi.
F’dan ir-rigward huwa fetaħ proċeduri legali fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha bħala Qorti Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali fejn qed jgħid li testijiet forensiċi li saru fuq id-droga seħħew f’laboratorju mhux akkreditat. Qal li dan kollu qiegħed jikser id-drittijiet fundamentali tiegħu.
Nicholas Vella, qed jiġi mixli bi traffikar u pussess aggravat tal-imsemmija droga, li kellu fil-pussess tiegħu arma tan-nar mingħajr liċenzja u li sar reċediv.
Huwa qed jiġi mixli wkoll li kiser ordni ta’ probation mogħtija lilu mill-Qorti tal-Maġistrati nhar il-25 ta’ Jannar 2016. Vella qed jitlob lill-Qorti biex tipprovdi ‘rimedji effettivi u f’waqthom’ peress li d-dritt tiegħu għal smiegħ xieraq qegħdin jiġu mittiefa fuq żewġ binarji.
L-ewwel fuq il-fatt li d-droga maqbuda waqt rejd tal-Pulizija li kien sar fl-Imsida, ġiet ittestjata f’laboratorju f’Malta, li dak iż-żmien ma kienx akkreditat mill-ISO (l-Organiżazzjoni nternazzjonali għall-istandards).
Dwar dan deċiżjoni li kienet implimetata fil-liġi Maltija f’Marzu tal-2016 fuq dak deċiż mill-‘EU Council Framework Decision’ tal-2009, li tagħmilha obbligatorja li stati membri jrid ikollhom laboratorji forensiċi ta’ standards internazzjonali.
F’dan il-każ, i-drogi, misjuba f’Ġunju tal-2016, kien għaddew għand espert xjentifiku appuntat mill-Qorti biex jagħmel it-testijiet f’laboratorju lokali li ma kienx aggreditat, għalhekk huwa żgur li r-riżultati mogħtija joħolqu dubji kbar.
Din is-sitwazzjoni hija nkwetanti għall fatt li jista’ jkun hemm nuqqasijiet kbar u preġudizzji serji, dan peress li l-applikant ma kellux assikurazzjoni li l-affarijiet qegħdin isiru skont standards internazzjonali, argumentaw l-Avukati ta’ Vella, fejn żiedu jgħidu li dawn in-nuqqasijiet għandhom iwasslu għan-nullità f’dawn il-proċeduri.
Sadanittant il-fatt, li l-akkużat fil-każ lanqas kien assistit minn avukat meta ġew rilaxxati l-istqarrijiet waqt l-interogazzjoni, dritt li jeżisti skont il-liġi Maltija, jfissru li dawn l-istqarrijiet jiksru d-dritt ta’ smiegħ xieraq, kif b’mod konsistenti tgħid il-liġi tal-Unjoni Ewropea.
Vella kien ġie arrestat wara sorveljanza mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, fejn din instabet wara li l-akkużat ġie nnutat dieħel f’garaxx. Pakkett kannabis grass kien instab fil-pusses tiegħu. Fil-post kienu nstabu wkoll disa’ sapuniet (droga), reżina tal-kannabis, b’purità ta’ seba’ fil-mija. L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Amadeus Cachia iffirmaw l-applikazzjoni.
//= $special ?>