Raġel ta’ 22 sena mill-Isla kien ikkundannat sitt xhur ħabs u mmultat €500 wara li nstab ħati li ttraffika d-droga ecstasy f’Paceville. Il-każ kien seħħ f’Lejliet l-Ewwel tas-Sena tas-sena 2016 meta żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija li kienu fuq ronda fi Triq Dragonara, faċċata ta’ Sky Club, lemħu lill-Eros Pavia jagħti xi ħaġa lil raġel ieħor li kien bilqegħda.
Surġent u Kuntistabbli mill-ewwel ħadu azzjoni u waqqfu liż-żewġ persuni u wara li dentifikaw ruħhom bħala li kienu Pulizija u ċċekkjaw x’kellu f’idejh il-persuna li kien bilqegħda, rriżulta li f’idejh kellu pillola ecstasy. Dawn ġew arrestati mill-ewwel u ttieħdu d-Depot.
Meta semgħet il-provi l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli ffukat ħafna fuq il-fatt dwar kif il-pillola ġietx analizzata biex tkun determinata l-kontenut tagħha.
Min-naħa l-oħra, qalet ukoll li ma tistax taqbel mal-Uffiċjal Prosekutur li dan kien każ ta’ ‘trafficking by sharing’ peress li Pavia kien wera l-intenzjoni tiegħu.
Biex waslet għad-deċiżjoni u finalment biex tiġi applikata l-piena, il-Qorti kkunsidrat in-natura tar-reat, il-kondotta nadifa tal-imputat, u l-fatt li ma kellha l-ebda diskrezzjoni fil-liġi ħlief li tikkundanah għal piena ta’ priġunerija effettiva u multa.
Kien għalhekk li filwaqt li sabitu ħat tal-akkuża miġjuba kontrih, ikkundannatu sitt xhur ħabs u għall-ħlas ta’ multa ta’ €500. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.