“Għandna viżjoni għal pajjiżna, fejn l-ekonomija taħdem id f’id mal-ambjent, li nħarsu l-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà tagħna, fejn l-istituzzjoniiet ikun b’saħħithom u jaħdmu b’mod indipendenti fl-aħjar interess tas-soċjetà, pajjiż xprunat mill-innovazzjoni, fejn in-negozju u l-business jimirħu mingħajr il-bżonn ta’ korruzzjoni”.
Hekk qal il-Kap tal-PN Adrian Delia meta llejla indirizza l-mass meeting tal-Indipendenza quddiem id-Dar Ċentrali tal-PN.

Adrian Delia sellem lill-Prim Ministri ta’ Malta Ġorġ Borg Olivier, Dom Mintoff, Eddie Fenech u Lawrence Gonzi u saħaq li grazzi għall-viżjoni u d-dedikazzjoni tagħhom, illum pajjiżna għandu ekonomija b’saħħitha li tiffunzjona kif ukoll social welfare b’saħħtu. Huwa qal li grazzi għall-ħidma tal-Prim Ministri preċedenti llum Malta hija stat indipendenti u membru tal-Unjoni Ewropea.
Adrian Delia qal li n-nuqqas ta’ pjan fit-tul tal-Gvern Laburista, li m’għandux viżjoni, qed iwassal għal ħsara soċjali u ambjentali. Sfortunatament illum f’pajjiżna hawn l-agħar kwalità tal-arja fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u mhux qegħdin nindirizzaw b’serjetà l-iskart kollu li qed jiġi ġġenerat biż-żieda qawwija fil-popolazzjoni. “Riżultat tan-nuqqas ta’ pjan, uliedna se jibdew is-sena skolastika l-ġdida jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fil-kontejners minflok fi klassijiet.”
Is-servizz tas-saħħa wkoll mhux qed ilaħħaq biż-żieda fil-popolazzjoni tant li l-appuntamenti fl-Out Patient fl-isptar qegħdin dejjem jaqgħu lura, u aktar żgħażagħ Maltin mhux qed jirnexxilhom ilaħħqu maż-żidiet qawwija tal-prezzijiet tal-propjetà u jkollhom saqaf fuq rashom biex jibdew familja. Il-pensjonanti u dawk li għandhom dħul baxx kull ma jmur qegħdin isibuha ferm u ferm aktar diffiċċli biex jaslu sal-aħħar tax-xahar. “Din mhix il-viżjoni ta’ Malta indipendenti li kellhom missirijietna. Dan mhux li ħadmu għalih il-Prim Ministri preċedenti.” qal Adrian Delia.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sejjaħ lill-Gvern sabiex jiġi ddikjarat emerġenza nazzjonali ambjentali u biex jissaħħu l-miżuri kollha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Huwa qal li matul ix-xhur li ġejjin il-PN se jkun qed iressaq il-viżjoni tiegħu għal Malta, viżjoni li se tkun qed tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħna bħala nazzjon.
“L-indipendenza mhix biss ġurnata fejn niftakru fuq dak li ksibna għal pajjiżna. Huwa wkoll jum fejn għandna nħarsu lejn il-futur tagħna u nistaqsu lilna nfusna, fejn irridu li jkun pajjiżna fis-snin li ġejjin. Dan huwa d-dmir tagħna lkoll, li ngħatajna meta ksibna l-indipendenza. Il-Partit Nazzjonalista qed iwieġeb għal din is-sejħa u għalhekk qed inressqu l-pjan u l-viżjoni tagħna li jwassal lil Malta fis-snin li ġejjin.”, qal Adrian Delia.
//= $special ?>