Futbol Sport

Callejja Cremona jsalva t-tliet punti għal Hibernians

FUTBOL LOKALI – KAMPJONAT PREMIER

HIBERNIANS………………2

SENGLEA A…………………1

Hibernians: M. Jovicic, T. Tabone Desira, F. Apap, J. Mbong, J. Grech (M. Calleja Cremona 60’), T. Groothusen (C. Atsina 67’), B. Kristensen, D. Vella, G. Izquier Artiles, A. Agius, L. Nanni (L. Barbosa 74’)

Senglea: A. Curmi, S. Olberkis, E. Sakyi, L. Grech, M. Micallef, T. Marukawa, J. Teixeira, J. Tanti (W. Zamble 46’), M. Todorovic (A. Spiteri 79’), D. Xuereb (S. Cipriott 86’), M. Dias  

Imwissija: M. Dias 84’, W. Zamble 86’, S. Olberkis 90’, L. Grech 90+2 (S)

Tkeċċa: M. Jovicic 58’ (H)

Skorjaw: L. Nanni 8’, T. Groothusen 27’ (H) J. Teixeira 60’ (S)

Referee: Stefan Pace

Assistenti Referees: Thomas Debono, Duncan Spencer

Il-Mument Plejer tal-logħba: Matthew Calleja Cremona (H)

BOV Plejer tal-logħba: Taisei Marukawa (S)

Hibernians irritornaw għar-rebħ meta akkwitaw it-tieni rebħa tal-istaġun, b’rebħa ta’ 2-1 fuq Senglea Athletic li min-naħa tagħhom soffrew l-ewwel telfa tal-istaġun wara żewġ rebħiet u dro.

Hibernians fetħu l-iskor wara tmien minuti. Freekick mgħoti minn Jake Grech, wara devjazzjoni bir-ras wasal għand LEONARDO NANNI li xeħet wara Anthony Curmi.

Senglea għal ftit ma’ ġabux id-dro erba’ minuti wara iżda Jan Tanti minn quddiem Marko Jovicic kien żvinturat laqat il-lasta.

It-tim immexxi minn Stefano Sanderra rrdoppja  fis-27 minuta meta passaġ ta’ Dunstan Vella wasal għand TERRENCE GROOTHUSEN li għamilhom 2-0 minn qagħda ideali.

Appena fetħet it-tieni taqsima, it-tim ta’ Mario Muscat reġa’ kien żvinturat meta minn pożizzjoni angolata barra l-kaxxa Jose Teixeira laqat il-wieqfa.

Fil-55 minuta, Senglea għal ftit ma naqsux id-distakk. Wilfred Zamble sab ruħu barra il-kaxxa żmarkat iżda bil-ballun jaqbeż quddiemu, ħareġ il-goalkeeper Jovicic u fl-għoli deher jibqa dieħel f’Zamble wara li dan tal-aħħar kien diġa xeħet bir-ras lejn ix-xibka. Appena d-difensuri waqfu l-ballun milli jidħol f’lasta vojta, ir-referee Stefan Pace saffar għal freekick u minnufih keċċa lill-goalkeeper ta’ Hibernians.

Dan fisser debutt ma’ Hiberninas għall-goalkeeper Matthew Calleja Cremona.

Mill-istess freekick, fis-60 minuta, Senglea naqsu d-distakk meta x-xutt ta’ JOSE WILKINSON TEXEIRA kien dirett u baqa’ dieħel fix-xibka.

It-tim tal-Isla baqgħu jipressaw u kien biss grazzi għad-debuttant Calleja Cremona li Hibernians baqgħu minn fuq meta f’temp ta’ minuta wettaq żewġ saves brillanti, bl-ewwel wieħed fuq Taisei Marukawa tista’ tgħid kien isbaħ mill-ieħor hekk kif il-goalkeeper tar minn tulu biex dawwar għal mal-lasta.

Meta kien għad fadal kwarta logħob, Hibs reġgħu ħelsuha ħafif meta daħal tajjeb fil-kaxxa Marukawa, għadda lejn Zamble li sab lil Callejja Cremona attent li tajjar b’saqajh.

Sekondi wara, l-istess goalkeeper kien stupend u dawwar f’korner xutt minn barra l-kaxxa ta’ Elvis Sakyi.

Senglea baqgħu jippruvaw iżda Hibernians irnexxilhom iżommu r-riżultat favurihom sal-aħħar biex akkwitaw tliet punti prezjużi.