Imfakkar Jum l-Indipendenza – 55 sena minn meta Malta saret Indipendenti

Illum pajjiżna qed ifakkar il-55 sena mill-Kisba tal-Indipendenza, frott ħidma ta’ Gvern Nazzjonalista fil-bidu tas-snin sittin, immexxija minn Ġorġ Borg Olivier.

55 sena mit-twelid ta’ stat sovran, biex minn dakinhar nistgħu ngħidu li għandna verament rajna f’idejna.

Twelid ta’ nazzjon li, għax kiber u mmatura, seta’ jikseb ir-Repubblika u eventwalment jissieħeb b’mod sħiħ fl-Unjoni Ewropea.

Fuq kollox, grazzi għal politika ta’ viżjoni, li biha Malta u Għawdex bdew mexjin pass pass għal dak li ninsabu fih illum il-ġurnata.

Bħal kull sena, Jum l-Indipendenza beda bil-Pontifikal Solenni, immexxi mill-Arċisqof, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt.

Matul l-Omelija tiegħu, il-Kap tal-Knisja f’Malta, Monsinjur Charles J. Scicluna, fakkar li ta’ kull sena, Jum l-Indipendenza jisfidana biex inħossu dejjem aktar is-sens tal-Istat, fost l-oħrajn billi nistaqsu x’nistgħu nagħmlu aħna għall-pajjiż aktar milli l-pajjiż x’jista’ jagħmel għalina.

Hu appella lill-mexxejja politiċi ta’ pajjiżna biex jgħożżu aktar ir-responsabbiltà u l-akkontabbiltà fil-ħidma tagħhom għax, bħal fil-każ ta’ mexxej tad-dar, hu wkoll il-qaddej ta’ dawk ta’ madwaru.

L-Arċisqof Scicluna qal li l-mexxejja tagħna m’għandhomx jaħsbu li d-dar (u allura l-pajjiż) hi xi esklussività tiegħu, iżda b’umiltà jaffronta l-problemi skont iċ-ċirkostanzi.

Għall-Quddiesa attendew l-ogħla awtoritajiet tal-Istat, fosthom il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella, kif ukoll il-Prim Ministru, l-Aġent Speaker, Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra, il-membri tal-Ġudikatura u membri mill-Korp Diplomatiku.

Wara l-Quddiesa, il-President ta’ Malta, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni qegħdu bukketti tal-fjuri f’riġlejn il-Monument tal-Indipendenza.