Futbol Sport

Milan jimmiraw biex jagħtu l-ewwel telfa lil Inter

Inter għandhom l-akbar ostaklu sa issa f’dan il-kampjonat hekk kif jaffrontaw lir-rivali Milan fid-derby della Madonnina. Inter huma l-uniku tim li rebaħ l-ewwel tliet logħbiet tal-kampjonat iżda ġew miżmuma fi draw kontra Slavia Praga fil-UEFA Champions League fost il-ġimgħa.

Milan fuq in-naħa l-oħra fetħu l-kampjonat b’telfa ta’ 1-0 kontra Udinese u kisbu żewġ rebħiet minimi ta’ 1-0 kontra Brescia u Verona bi prestazzjonijiet mhux konvinċenti. Meta wieħed ipoġġi liż-żewġ timijiet skont l-aħħar forma tagħhom, Inter jibdew favoriti minħabba li huma aktar kunfidenti u fil-forma, iżda f’logħba derby verament li kollox jista’ jiġri.

Il-kowċ ta’ Inter Antonio Conte jista’ jerġa’ jinkludi lil Diego Godin mal-ewwel ħdax wara li ma lagħbx fost il-ġimgħa filwaqt li l-akkwist il-ġdid Ante Rebic jista’ jagħmel id-debutt, b’Andrea Conti se jkun qed jilgħab flok is-sospiż Davide Calabria. Milan ma rebħux fl-aħħar sitt derbies u jekk ma jirbħux ikun ifisser l-agħar serje f’20 sena. Fl-istaġun li għadda, Inter rebħu ż-żewġ logħbiet bl-iskor ta’ 1-0 u 3-2. Fl-aħħar 15-il sena, kien hemm biss żewġ logħbiet li spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls.

Konfront li mistenni jkun interessanti hu dak bejn Bologna u Roma, tnejn mill-erba’ timijiet li għadhom bla telfa u t-tnejn ġejjin minn rebħiet importanti. Bologna dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Brescia 4-3, f’dik li kienet l-ewwel rebħa tagħhom fuq Brescia minn Novembru tal-2010. Minkejja d-diffikultajiet li qed jgħaddi minnhom, id-determinazzjoni tal-kowċ tagħhom Sinisa Mihajlovic qed twassal biex tispira lit-tim. Dan jidher li qed jgħin lit-tim biex jissielet aktar, tant li nkisbu seba’ punti minn possibbiltà ta’ disgħa.

Roma spiċċaw 3-3 u 1-1 kontra Genoa u Lazio rispettivament filwaqt li ġejjin minn rebħa ta’ 4-2 kontra Sassuolo u oħra ta’ 4-0 kontra Istanbul Basaksehir fl-Europa League. Roma sa issa sofrew seba’ gowls fil-kampjonat u l-fatt li ma sofrewx gowl fost il-ġimgħa, tgħin lill-kowċ Paulo Fonseca li jittama li t-tim iżomm il-konċentrazzjoni massima. Bologna rebħu l-aħħar tmien logħbiet f’darhom u jekk jirbħu kontra Roma tkun l-aħjar sensiela ta’ rebħiet konsekuttivi f’darhom mill-1941.

Iċ-champions Juventus jilqgħu f’darhom lil Verona. Huma ġejjin minn draw ta’ 0-0 kontra Fiorentina fil-kampjonat u draw ieħor ta’ 2-2 kontra Atletico Madrid fil-UEFA Champions League. Il-kowċ Maurizio Sarri jista’ jagħmel xi bidliet fil-formazzjoni hekk kif f’dan il-bidu tal-istaġun weġġgħu diversi plejers.

Napoli jinsabu b’moral għoli wara r-rebħa kontra Liverpool fil-UEFA Champions League u jibdew favoriti li jaffrontaw lil Lecce barra minn darhom, tim li ġej mill-ewwel rebħa fil-kampjonat. Wara li sofrew seba’ gowls fl-ewwel żewġ logħbiet, fl-aħħar 180 minuta ma sofrew l-ebda gowl, fattur li żgur hu pożittiv għal Carlo Ancelotti.

Serie A

Ilbieraħ: Cagliari v Genoa 3-1

Illum: Udinese v Brescia 3.00pm, Juventus v Verona 6.00pm, Milan v Inter 8.45pm

Għada: Sassuolo v Spal 12.30pm Bologna v Roma 3.00pm, Sampdoria v Torino 3.00pm, Lecce v Napoli 3.00pm, Atalanta v Fiorentina 6.00pm, Lazio v Parma 8.45pm