Attività min flus il-Gvern li nżammet il-Ġimgħa filgħaxija fil-Marsa żgur li se tħalli lil Chris Fearne, Robert Abela, Konrad Mizzi u Miriam Dalli jkemmxu xufftejhom għax żgur li qatt ma stennew lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista jgħid dak li qal.
Waqt id-diskors tiegħu fl-inawgurazzjoni tal-flyovers fil-Marsa, hu nfexx fi ftaħir lejn il-Ministru Ian Borg … ftaħir ċar li nftiehem minn ħafna bħala l-barka li lest jafdah bit-tmexxija tal-Partit Laburista.
U biex ikompli jikkonferma kemm qiegħed fuq in-naħa ta’ Ian Borg, Muscat kompla li dan il-Ministru jaħdem ħafna u qed jagħmel diversi trasformazzjonijiet infrastrutturali ta’ affarijiet li kienu qed jikkripaw.
Fil-jiem li għaddew, f’survey intern li sar mil-Lejber, Ian Borg ħareġ bħala wieħed mill-anqas favoriti. Għalhekk, beda immedjatament kampanja qalila biex ilaqqa’ lin-nies tad-Distrett – fejn il-kelma qed tiġri li Ian Borg għandu kollox ippreparat biex jieħu f’idejh it-tmexxija tal-Partit Laburista.
Sadanittant, Muscat iddeskriva lil Infrastructure Malta – li tinsab taħt ir-responsabbiltà politika tal-Ministru Ian Borg – bħala ‘bulldozer’, għalkemm ipprova jdawwarha b’mod umoristiku billi jgħid li dan ix-xogħol għandu jittieħed aktar bil-galbu.
B’hekk, Muscat ipprova jsebbaħ il-lenti ħażina li n-nies aktarx qed iħarsu biha lejn Ian Borg, partikolarment minħabba l-mod kif qed iqaċċat is-siġar biex iwettaq il-proġetti li joħlom bihom … dan kollu għax iridna nemmnu li dan il-Ministru għandu l-kwalitajiet meħtieġa biex isir Mexxej tal-Labour.
//= $special ?>