Lokali Transport

RITRATTI: Il-konġestjoni tat-traffiku, issa anki bil-lejl

Qed isir dejjem aktar evidenti li t-twessiegħ tat-toroq mhu qed isolvi l-ebda problema għax minflok neħlu fil-parti li ssoltu konna neħlu fit-traffiku, issa qed neħlu fit-traffiku ftit metri ‘l fuq.

Dan kien l-aktar kumment inġenerali tan-nies li ta’ kuljum, u issa anki kull lejl, qed jeħlu fit-traffiku fi kważi kull parti ta’ Malta.

F’filmati u ritratti li rċievejna tidher il-konġestjoni u d-diżastru għal darb’oħra fil-Marsa, problema li qed tippersisti kontinwament fiż-żona u l-madwar.

Is-sitwazzjoni kienet waħda kaotika għal ħin twil, b’persuni jilmentaw magħna li damu aktar minn siegħa mwaħħla fit-traffiku.

Minflok ma l-Gvern Laburista fassal pjan ħolistiku li jara li pajjiżna jagħmel qabża ‘l quddiem f’dak li għandu x’jaqsam mal-mobbiltà, baqa’ fl-istess mudell ta’ żieda fil-karozzi li mhijiex sostenibbli.

Mhux talli mhix sostenibbli, iżda fiha qed naraw il-qerda tal-ambjent, b’numru ta’ siġar mqaċċta biex jitwessgħu t-toroq.

Fl-aħħar jiem rajna wkoll kif Infrastructure Malta qed tikser il-Liġi meta tippermetti li fi proġetti ta’ twessiegħ tat-toroq jitneħħew ħitan tas-sejjieħ oriġinali biex minflokhom jitpoġġew ħitan finta, f’dak li qed ikun deskritt bħala tkomplija tal-atti illegali kontra l-kultura Maltija.

Fuq kollox, il-konġestjoni tat-traffiku mhux biss qed twassal għal ħela ta’ ħin ta’ ħafna, iżda qed taffetwa wkoll l-ammont ta’ persuni li jbatu mill-ażma. Dan hekk kif dan in-numru f’pajjiżna żdied, bil-kawża prinċipali tkun l-arja maħmuġa fit-toroq tagħna, issa aktar u aktar bin-nuqqas ta’ siġar.

Jidher li din il-kundizzjoni hi l-aktar komuni fit-tfal. Fil-fatt, is-sena li għaddiet, 17 fil-mija tat-tfal ta’ bejn il-ħames u t-tmien snin kellhom episodju ta’ qtugħ ta’ nifs, filwaqt li 12.5 fil-mija tat-tfal ta’ bejn it-12 u l-15-il sena wkoll batew minn din il-kundizzjoni.