“L-indipendenza mhix biss ġurnata fejn niftakru fuq dak li ksibna bħala pajjiż, iżda għandu jkun ukoll il-jum fejn nħarsu lejn il-futur u nistaqsu lilna nfusna fejn irridu li nwasslu lil Malta fis-snin li ġejjin.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET FM.
Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni għal pajjiżna fejn irid li jwassal lil Malta fis-snin li ġejjin. Viżjoni għal Malta fejn l-ekonomija taħdem id f’id mal-ambjent, b’pajjiż xprunat mill-innovazzjoni, fejn in-negozji jimirħu u jitkattar il-business mingħajr il-bżonn ta’ korruzzjoni u fejn il-ġid li jinħoloq verament jasal għand kulħadd. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jinteressah mill-ġid komuni u mill-aspirazzjonijiet tan-nies u se jkun qed jixprunahhom sabiex jikbru fis-soċjetà, għalhekk irid soċjetà li jimpurtaha iżda taħt il-Gvern Laburisa qegħdin jakkwistaw biss dawk li huma qrib ħafna ta’ Kastilja, għaliex huwa gvern li tilef ir-ruħ soċjali.
Adrian Delia qal li l-Gvern Laburista huwa gvern bla pjan, u r-riżultat ta’ dan in-nuqqas ta’ pjan fit-tul qed iwassal għal ħsara soċjali iżda wkoll ħsara ambjentali. L-istatistika turi li f’pajjiżna għandna l-agħar kwalità tal-arja fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, li qed twassal għal aktar imwiet relatat mal-mard respiratorju, fejn qed jitneħħew is-siġar u jintilfu l-ispazji miftuħa. Huwa qal li għalhekk għandha tiġi ddikjarata emerġenza nazzjonali ambjentali, filwaqt li jissaħħew il-miżuri kollha li jeħtieġ biex niġġieldu l-klima. Dan meta l-istatistika turi biċ-ċar li l-Maltin huma l-iżjed inkwetati bit-tibdil fil-klima.
Pjan fit-tul ifisser pajjiż isbaħ li jkun aktar attreanti għat-turiżmu u l-investiment, ambjent nadif u poplu aktar b’saħħtu. Adrian Delia reġa’ saħaq li l-PN se jibqa’ jkun il-bastjun tas-sewwa u għalhekk l-Oppożizzjoni kitbet lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi biex dan jiddiskuti u jinvestiga rapporti li ġew irrappurtati fil-midja u li jikkonċernaw għoti ta’ flus sabiex jintemm qabel il-waqt kuntratt ta’ impjieg ta’ uffiċjali tal-MFSA. Dan meta wieħed mill-Gvernaturi tal-MFSA Joe Brincat, li huwa eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista fetaħ protest ġudizzjarju kontra l-MFSA u ddeskriva dan il-ħlas lil uffiċjali tal-awtorità bħala ‘reat’ u ‘abbuż mill-użu ta’ fondi pubbliċi’.
Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni tikkundanna l-mod kif l-MFSA qed tagħmel użu minn fondi pubbliċi mingħajr għaqal u reqqa, b’mod li jmur kontra l-prinċipji tal-governanza tajba. Huwa qal li wara l-protest ġudizzjarju li ressaq il-Gvernatur tal-MFSA Joe Brincat, u d-dikjarazzjonijiet tal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna li qed ifarfar ir-responsabbiltà ta’ dawn l-iskandli fuq ħaddieħor, issa r-responsabbiltà hija biss f’idejn il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li wara li għaddew sentejn u wara pressjoni kbira mill-Oppożizzjoni u d-deadline li kien ingħata mill-Kunsill tal-Ewropa, l-Prim Ministru issa ħabbar li se ssir inkjesta pubblika, dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, meta din jmissha ilha li saret u ma kien hemm xejn milli jżommha li ssir. Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni kienet talbet bl-aktar mod sejru li jinstabu mhux biss min wettaq ir-reat iżda wkoll il-mandanti, u jekk il-Gvern setax għamel xi ħaġa sabiex dan l-assassinju jiġi evitat, jekk kellux l-informazzjoni u l-obbligu li jagħti l-protezzjoni u ma tahhiex.
Il-Kap tal-PN ħeġġeġ lill-Prim Ministru li din id-darba bilfors trid toħroġ il-verità, u ma nistgħux nirriskjaw li wara li ssir l-inkjesta pubblika jkun għad hawn id-dubju. Għalhekk huwa talab lill-Prim Ministru sabiex jiltaqa’ mal-familja Caruana Galizia biex juri u jgħid li din se tkun inkjesta verament indipendenti u awtonoma.
Huwa qal li fil-ġranet li ġejjin se jkun qed ilaqqa’ lill-Grupp Parlamentari tal-PN biex tiġi diskussa l-inkjesta pubblika, filwaqt li saħaq li l-poplu Malti u Għawdxi għandu d-dritt li jkun jaf il-verità kollha.