Lokali

Ulied Daphne Caruana Galizia jitolbu laqgħa ma’ Muscat dwar l-Inkjesta Pubblika Indipendenti

Matthew u Andrew, ulied il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qed jitolbu laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat fid-dawl tal-aħbar tal-bieraħ filgħaxija dwar it-twaqqif ta’ Inkjesta Pubblika Indipendenti sentejn wara l-qtil tal-Ġurnalista.

Dan wara li ż-żewġ żgħażagħ qed jgħidu li l-Inkjesta tikser il-Kostituzzjoni, li titlob li l-investigazzjonijiet għandhom ikunu independenti, imparzjali u effettivi. Fuq kollox, il-membri tal-Bord tal-Inkjesta għandhom ikunu kwalifikati u mingħajr l-ebda kunflitt ta’ interess.

Propju fuq dawn l-aħħar punti, Matthew u Andrew qed itennu li l-għażla tat-tliet persuni mill-Gvern biex jiffurmaw dan il-Bord ta’ Inkjesta mhix valida, ladarba l-Imħallef Emeritus Michael Mallia, li se jkun qed imexxi l-Bord, kien involut fl-investigazzjoni kriminali għall-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan hu ta’ kunflitt, hekk kif it-Termini tal-Inkjesta nnifishom jgħidu li dawn ma jistgħux ikunu relatati.

Iż-żewġ aħwa elenkaw dawn il-punti f’posts li għamlu fuq il-media soċjali, fejn innutaw ukoll li l-Professur Ian Refalo hu Konsulent tal-Ministru tal-Ġustizzja. Barra minhekk, hu qed jeżerċita wkoll bħala Konsulent tal-Gvern f’każ li għadu għaddej kontra whistleblower. Dwar it-tielet persuna fil-Bord, huma qalu li dan kien espert forensiku li fil-jiem ta’ wara l-qtil kien insista li ntuża’ materjal splussiv ieħor, li allura seta’ jimplika involviment ta’ xi barranin.

L-Inkjesta Pubblika Indipendenti tħabbret mill-Gvern anqas minn ġimgħa minn meta kellu jintemm it-terminu mitlub mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal Inkjesta Indipendenti wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Filwaqt li kien spjega li din l-Inkjesta għandha tiġi konkluża fi żmien disa’ xhur u tiġi ppubblikata fuq gwida tal-istess Kummissjoni, li se tkun qed tirregola lilha nnifisha, fl-istess stqarrija, il-Gvern qal li għad għandu riżervi kbar dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa li talbet dan.