Lokali

Bi ġrieħi gravi wara li ġiet attakkata f’Għawdex – Jinqabad l-aggressur

Għall-ħabta tal-4 ta’ filgħodu tal-Ħadd, koppja ġiet aggredita hekk kif kienu fi triqithom lejn l-appartament tagħhom fi Triq Bullara fix-Xagħra Għawdex.

Jidher li l-koppja, żewġ Ingliżi, ġiet attakkata b’ġebla minn persuna bl-għan ewlieni jkun li tisraqhom.

Iżda jidher li l-aggressur spiċċa jsabbat ras il-mara ma’ karozza li kien hemm iparrkjata fl-Istess Triq.

Wara li nsteraq xi deheb minn fuq il-mara, l-aggressur ħarab minn fuq il-post.

Immedjatament fuq il-post waslu l-pulizija mill-għassa tar-Rabat kif ukoll ambulanza li ħadet lill-mara ta’ 55 sena l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Il-mara ta’ 55 sena ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi filwaqt li r-raġel ta’ 58 sena qed isofri minn ġrieħi ħfief.

Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Paul Coppini li ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

L-aggressur inqabad aktar tard mill-Pulizija fejn jidher li huwa raġel ta’ 29 sena ta’ nazzjonalita’ barranija. Bħalissa qed jiġi interrogat fl-Għassa tar-Rabat.