Il-pulizija f’Hong Kong sparat il-gass tad-dmugħ biex tferrex lid-dimostranti favur id-demokrazija wara li dawn wettqu l-ħsarat fi stazzjon tal-ferrovija u kumpless kummerċjali. Il-konfronti kienu l-aħħar inċidenti f’aktar minn tliet xhur ta’ inkwiet f’dan it-territorju li jgawdi livell ta’ awtonomija miċ-Ċina.
Qabel l-inċidenti, mijiet ta’ dimostranti – żgħażagħ u anzjani – kienu nġabru fi New Town Plaza, fl-inħawi ta’ Sha Tin fost l-għajjat ‘għal Hong Kong ħieles’.
Id-dimostranti sejħu bojkott għan-negozji (f’Hong Kong) meqjusa bħala ‘favur iċ-Ċina’ waqt li wettqu l-atti vandali f’numru ta’ ħwienet minbarra li kissru parti mill-entratura għal kumpless kummerċjali kbir. Huma anki sawtu raġel li ħasbu li ħadha kontra tagħhom waqt li kienu qed iżebilħu l-bandiera taċ-Ċina. Dan qabel daħlu fl-istazzjon ta’ Kowloon fejn kissru l-video cameras u sezzjonijiet minn fejn ibigħu l-biljetti.
Il-pulizija li rreaġew għall-inċidenti sparaw il-gass tad-dmugħ wara li d-dimostranti waddbulhom il-ġebel – bil-konfronti mad-dimostranti jkomplu għaddejjin matul il-jum. L-istazzjon ta’ Kowloon ingħalaq mill-pulizija wara li mijiet ta’ dimostranti kienu nġabru hemmhekk fost l-għajat abbużiv kontra l-awtoritajiet lokali u l-vandaliżmu ta’ proprjetà.
Id-dimostranti huma rrabjati għal dak li jqisu bħala ‘żieda fl-influwenza u l-indħil taċ-Ċina’ fl-affarijiet ta’ Hong Kong. Din l-eks kolonja Britannika, fl-1997, irritornat taħt is-sovranità ta’ Beijing taħt kunċett ta’ ‘pajjiż wieħed b’żewġ sistemi’ intiż li jiggarantixxi livell ta’ ħelsien (f’Hong Kong) li mhux effettiv għal bnadi oħra taċ-Ċina.
//= $special ?>