Lokali

Il-GWU b’tilwima industrijali mal-Ministeru tas-Saħħa u l-kumpanija Healthmark

Il-General Workers’ Union irreġistrat tilwima industrijali mal-Ministeru tas-Saħħa u l-kumpanija Healthmark minħabba l-mod li bih qed jitħaddmu l-care workers tal-kuntrattur.

Ir-raġuni ewlenija hija li dawn il-ħaddiema qed ibatu l-konsegwenzi tal-indifferenza tal-awtoritajiet tas-saħħa, fejn fil-ġurnata normali tax-xogħol tagħhom qed ikunu sfurzati jieħdu sagħtejn brejk mhux imħallsa.

Is-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin qal li din is-sitwazzjoni hija maħluqa minn tfassil ta’ ħinijiet ta’ xiftijiet li huma differenti minn dawk tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku nnifsu. Dan qed iwassal biex il-ħaddiema tal-kuntrattur kull tnax-il ġurnata xogħol qed ikollhom ukoll jaħdmu ġurnata żejda bil-għan li jakkumulaw is-sigħat ta’ xogħol ta’ kull xahar.

Bondin stqarr li l-mod kif hija mfassla l-ġurnata xogħol ta’ dawn il-care workers qed toħloq problemi bla bżonn kif ukoll li: “Dawn l-ħaddiema ġewwa l-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru tas-Saħħa huma l-uniċi li qed ikollhom jieħdu brejk daqstant twil. Din is-sitwazzjoni qed toħloq ambjent tax-xogħol inġust għal dawn il-ħaddiema. Ma nistgħux naċċettaw li jkun hemm sitwazzjoni fejn ikollok ħaddiema tal-ewwel u tat-tieni klassi.

Dawn il-ħaddiema qed jagħmlu xogħol meħtieġ u siewi u għaldaqstant għandhom ikunu trattati b’mod ġust u rispettuż.”

Il-GWU tiddikjara li kellha tasal għal dan il-punt wara li l-awtoritajiet tas-saħħa naqsu li jieħdu azzjoni biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni, minkejja li l-Union ilha għal diversi xhur titlob biex dan iseħħ.

Il-GWU qed tagħmilha ċara li fin-nuqqas li b’mod immedjat dawn il-ħaddiema mhux se jkollhom titjib fil-ħinijiet tax-xogħol tagħhom, il-Union se tirrikorri għall-azzjonijiet industrijali.