Futbol Sport

Inter b’rekord ta’ mija fil-mija wara li għelbu lil Milan fid-derby

Marcelo Brozovic u Romelu Lukaku taw rebħa mportanti lill-Inter fid-derby ta’ Milan biex it-tim ta’ Antonio Conte baqa’ b’punti massimi wara erba’ rebħiet minn daqstant partiti.

Inter marru minn fuq b’xutt devjat wara erba’ minuti fit-tieni taqsima b’xutt devjat, gowl li ġie kkonfermat wara konsultazzjoni mal-VAR. L-eks attakkant ta’ Manchester United u t-tim nazzjonali Belġjan, Romelu Lukaku ssiġġilla r-rebħa 12-il minuta mit-tmiem, it-tielet wieħed fil-kampjonat tas-Serie A wara kross ta’ Nicolo Barella.

Inter laqtu l-lasti darbtejn tard fil-partita, permezz ta’ Matteo Politano u Antonio Candreva, b’Theo Hernandez għal Milan jagħmel l-istess. Madankollu kienet rebħa meritata għal Inter li gawdew l-inizzjattiva għal ħinijiet twal.

Dan ir-riżultat ifisser li Inter – li rebħu l-partiti kollha sa issa jinsabu fil-quċċata tal-klassifika u li dan il-weekend ma jistgħu jiġu milħuqa. Huma jinsabu żewġ punti fuq iċ-Champions Juventus li aktar qabel għelbu bi tbatija lil Verona 2-1.

L-aħħar darba li Inter rebħu l-kampjonat tas-Serie A kien fis-sena 2010 meta kienu ħadu it-tripletta taħt il-kowċ Portugiż Jose Mourinho. Sadanittant Juventus kellhom għalxiex jirringrazzjaw lill-veteran gowlkiper Gianluigi Buffon, li fl-aħħar ħinijiet għamel save mill-isbaħ f’partita li fiha Verona, ma kienu jisirqu xejn li kieku ħadu xi punt jew punti mill-partita.

Verona marru fil-vantaġġ fl-20 minuta minn Miguel Veloso biex fil-31 minuta l-eks plejer ta’ Arsenal Aaron Ramsey għamilhom 1-1. Verona fallew ukoll penaltu fil-partita, iżda mhux l-istess jista’ jingħad għal Ronaldo li ma falliex mill-11-il metru fid-49 minuta.;

Kienet partita mill-isbaħ li ttappnet xi ftit meta fid-90 minuta tkeċċa Marash Kumbulla għal Verona, li wrew li għandhom biex jikkompetu fl-ogħla livell tal-kampjonat Taljan.

F’partita oħra t-tim promoss ta’ Brescia mar Udine u għeleb lil Udinese 1-0 b’gowl ta’ Romulu fil-57 minuta. Din il-partita kienet ikkaraterizzata minn tmien karti sofor, erba’ fuq kull naħa.