Il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-jiem li ġejjin mistenni li jiltaqa’ mal-familja Caruana Galizia biex jiddiskuti magħhom l-inkjesta dwar il-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia, u dan il-Prim Ministru se jkun qed jagħmlu wara insistenza ripetuta mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
Nifhmu li fis-sigħat li għaddew, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru għamel kuntatt mal-familja Caruana Galizia biex tkun stabbilita laqgħa bejn l-istess Prim Ministru u l-familjari ta’ Daphne Caruana Galizia li nqatlet b’bomba impoġġija fil-karozza li kienet qed issuq ftit ’il bogħod mir-residenza tagħha fil-Bidnija.
Nhar il-Ġimgħa l-Gvern ħabbar uffiċjalment li kien ħatar lill-Imħallef Emeritu Michael Mallia biex imexxi u jikkoorduina Inkjesta Pubblika Indipendenti dwar dan id-delitt li kien kexkex lill-pajjiżna.
Adrian Delia fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew ripetutament insista mal-Prim Ministru mhux biss dwar inkjesta pubblika indipendenti, imma anke biex jiltaqa’ mal-familjari tal-vittma u jiddiskuti magħhom dan id-delitt.
Segwi iktar dwar din l-istorja fil-ħarġa ta’ llum, ta’ il-mument.
//= $special ?>