Uffiċjali għoljin fl-Arabja Sawdija qalu li f’każ li investigazzjoni tiżvela li l-attakki tal-ġimgħa l-oħra fuq il-faċilitajiet taż-żejt tas-Sawdi kienu ġejjin mill-Iran, pajjiżhom kapaċi jikkunsidra l-azzjoni bħala att ta’ gwerra. Intant, is-Sawdi sostnew li huma, fil-preżent, qegħdin ifittxu soluzzjoni paċifika għal dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli.
Il-Ministru tal-Istat Sawdi għall-Affarijiet Barranin, Adel al-Jubeir, tenna li l-Arabja Sawdija qed iżżomm lill-Iran responsabbli għaliex il-missili u d-drones li kienu sparati lejn il-faċilitajiet tagħha kienu prodotti mill-Iran minbarra li kienu sparati minn sistemi li żviluppaw l-Iranjani.
Intant, Jubeir sostna li l-affarijiet jieħdu xejra oħra jekk hu tassew każ li l-attakk twettaq mill-artijiet tal-Iran – ‘bl-Arabja Sawdija tkun ġustifikata f’każ li tikkunsidra l-azzjoni bħala att ta’ gwerra’.
L-Arabja Sawdija qed tistenna r-riżultati ta’ investigazzjoni dwar l-attakki tal-14 ta’ Settembru li, inizjalment, naqqsu bin-nofs il-kapaċità tal-pajjiż biex jipproduċi ż-żejt.
Is-Sawdi anki ħeġġew lill-investigaturi internazzjonali biex jgħinu fl-inkjesta dwar l-akbar assalt fl-istorja fuq il-faċilitajiet ta’ wieħed mill-akbar esportaturi taż-żejt fid-dinja.
//= $special ?>