Il-President tal-Iran, Hassan Rouhani, wissa li l-qawwiet barranin qegħdin jheddu lis-sigurtà tal-Golf wara li l-Istati Uniti kkonfermat li qed tistazzjona lit-truppi fir-reġjun.
Rouhani qal li l-qawwiet barranin ‘dejjem ġabu magħhom gwaj u miżerja’ waqt li tenna li dawn mgħandhomx jintużaw ‘bħala parti mit-tellieqa għall-kisba tal-armi’. Il-President Iranjan spjega li stazzjonar simili, fil-passat, ta’ truppi barranin ‘kellu jirriżulta f’diżastru’ – u fejn wissa biex dawn il-qawwiet ‘iżommu ’l bogħod mill-Golf’.
L-Istati Uniti qed tibgħat aktar truppi lejn l-Arabja Sawdija wara l-attakk ta’ dan ix-xahar fuq il-faċilitajiet taż-żejt tas-Sawdi u meta numru ta’ pajjiżi qegħdin jindikaw lill-Iran bħala ‘l-aggressur’. Sadanittant, Rouhani qal li l-Iran, fil-jiem li ġejjin, se jippreżenta inizjattiva ġdida għall-paċi fil-Golf waqt il-laqgħa li jmiss tan-Nazzjonijiet Uniti. Hu ma tax dettalji iżda kkummenta li ‘il-paċi fl-ibħra ta’ Hormuz tista’ tkun ikkonsolidata biss permezz ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn’.
Rouhani kien qed jitkellem waqt l-anniversarju tal-bidu tal-gwerra tal-1980-88 bejn l-Iran u l-Iraq u meta kienu għaddejjin il-parati militari f’Tehran u bliet Iranjani oħra.
It-tensjoni fir-reġjun irrankat wara l-attakki – bil-missili u d-drones – ta’ jiem ilu fuq il-faċilitajiet taż-żejt tas-Sawdi f’Abqaiq u Khurais. L-Arabja Sawdija u l-Istati Uniti mhumiex jaċċettaw l-istqarrija tar-ribelli Houthi fil-Jemen li ‘kienu huma’ wara l-attakki, filwaqt li jidhru kważi konvinti li l-istraġi seħħet ‘bil-firma ta’ Tehran’.
Intant, il-Kap tal-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran, il-Ġeneral Hossein Salami, għamilha ċara li pajjiżu ‘għandu jwettaq kaċċa għal kwalunkwe aggressur – anki f’każ ta’ attakk limitat fuq l-Iran – filwaqt li jagħmel l-almu tiegħu biex jeliminah’.
//= $special ?>