NAXXAR LIONS …….. 1 PIETA HOTSPURS ….. 1
Naxxar Lions u Pieta Hotspur qamu l-punti wara li temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 1-1. Kienu Naxxar fetħu li marru minn fuq minn penalty fl-ewwel parti tal-logħba u dehru resqin lejn rebħa iżd Pieta rnexxielhom isalvaw ir-riżultat minn penalty ieħor fl-aħħar sekondi u dan meta kienu qed jilagħbu b’disa’ players.
Il-partita kellha bidu movimentat bi Pieta jkollhom xi ftit aktar mill-pussess tal-ballun. Naxxar ma tantx damu ma daħlu fil-partita u fil-15-il minuta huma fetħu l-iskor meta Gilberto Martins Leite ġie mwaqqa’ fil-kaxxa minn Jalo Irimiya, ir-referee ordna penalty li minnu EDSON CERQUIERA FARIAS ma żbaljax.
Pieta ppruvaw jagħmlu reazzjoni u fit-22 minuta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Neil Pace Cocks wara azzjoni mibdija minn korner għadda ftit għoli. Fit-33 minuta fuq in-naħa l-oħra kienu Naxxar li resqu viċin meta xutt ta’ Gilberto Martins Leite għadda barra.
Minuta minn tmiem l-ewwel taqsima Pieta resqu viċin li jagħmlu l-iskor indaqs meta daqqa ta’ ras minn qagħda tajba ta’ Dejan Vukovic għaddiet ftit barra.
Wara l-mistrieħ l-andament tal-partita baqa’ l-istess b’Naxxar joħolqu azzjoni fis-57 minuta meta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Mead Mifsud ġie salvat parzjalment minn Chircop St. John, bl-istess gowlkiper jikklerja l-ballun qabel jilħaq attakkant avversarju.
Tnax-il minuta wara waslet ir-risposta min-naħa ta’ Pieta meta xutt fil-baxx minn qagħda tajba ta’ Clive Gauci ġie salvat minn Omar Borg. Fis-77 minuta Pieta spiċċaw jilagħbu b’10 players meta Clyde Bouvet ġie mkeċċi mir-referee Slobodan Petrovic.
L-affarijiet deheru li se jkomplu jeħżienu għal Pieta hekk kif fit-88 minuta anke James Scicluna safa mkeċċi. Minkejja li kienu qed jilagħbu b’żewġ players anqas, fil-ħin miżjud Pieta għamlu l-iskor indaqs minn penalty mogħti minn JOSE LUCAS CAETANO wara li player ta’ Pieta ġie mwaqqa’ fil-kaxxa ta’ Naxxar.
NAXXAR L.:– Omar Borg, Mark Fenech, Mead Mifsud, Edson Cerqueira Farias, Darren Falzon, Ryan Gilmour Cassar, Jurgen Debono, Angus Buhagiar, Benjamin Essel, Steven Meilak, Gilberto Martins Leite.
PIETA H.:– Jacob Chircop St. John, Samuel Okoh, Neil Pace Cocks, Dejan Vukovic, Clyde Bouvet, Clive Gauci, Nicholas Pisani, Jose Lucas Caetano, Jalo Irimiya, James Scicluna, Lubos Adamec.
REFEREE :- Slobodan Petrovic
//= $special ?>