Minkejja li l-jum tal-Ħadd suppost kellu jkun jum ta’ ċelebrazzjoni għall-komunità ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta, minflok iddominat il-ħemda.
Flok il-baned li suppost kellhom iduru mat-toroq tal-Belt Valletta biex ifakkru din l-okkażjoni, il-parroċċjani ma kellhomx għażla oħra ħlief li jiċċelebraw biss il-festa liturġika ta’ Sant Wistin.
Dan wara li iktar kmieni din il-ġimgħa sar magħruf li nstabu l-pitturi misruqa lil din il-komunità lura fi Frar, apparti oġġetti sagri u prezzjużi oħra.
Iżda dik li kellha tkun aħbar sabiħa, minflok malajr inbidlet f’waħda ta’ xokk u dieqa meta sar magħruf li fil-każ seta’ kien hemm l-involviment tal-Kappillan Deo Debono, li issa ġie sospiż.
L-aħbar wasslet lill-Komunità Agostinjana u lill-Kurja biex jieħdu d-deċiżjoni li ċ-ċelebrazzjonijiet esterni ma jsirux.
Sal-Ħadd stess, il-parroċċjani kienu għadom ixxukkjati u bilkemm jistgħu jemmnu dak li għaddew minnu. Jispikka d-diżappunt li l-festa tħassret, waqt li għad hemm opinjonijiet differenti jekk kellux ikun kulħadd li jsofri għal dak li seħħ.
Sadattant din ma kinitx l-ewwel darba li din il-parroċċa sfat vittma ta’ serq.
Il-gazzetta il-mument fakkret mill-ġdid f’każ li jmur lura għall-2007 meta f’Awwissu kien rapportat li nsteraq is-salib antik u ta’ valur kbir ta’ Santu Wistin hekk kif kienet sgassata n-niċċa fil-knisja.
Dwar din is-serqa ta’ 12-il sena ilu jirriżulta li kienu l-Patrijiet Agostinjani tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin fil-Belt li kienu ndunaw bis-serqa tas-salib fil-bidu tax-xahar ta’ Awwissu.
Huma kienu ntebħu li xi ħadd kien irnexxielu jisgassa n-niċċa. Dakinhar kien rapportat li min għamel is-serqa kien daħal fil-knisja speċifikament għal din is-serqa.Dak kien salib tad-deheb ta’ valur kbir kemm għall-Provinċja Agostinjana kif ukoll għall-patrimonju sagru ta’ pajjiżna.
//= $special ?>