Lokali

Skuża wara l-oħra dwar l-impjant tal-wasteserv – Diversi residenti jilmentaw minħabba riħa insapportabbli

Ir-residenti ta’ Marsaskala jinsabu mħassba mir-riperkussjonijiet li l-impjant tar-riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin qed iħalli fuq saħħithom.

Dan joħroġ biċ-ċar minn diversi kummenti fi grupp fu Facebook iddedikat għar-residenti Skalin, fejn uħud stqarrew li qed iqumu bil-lejl bi griżmejhom jaħarquhom.

Kawża ta’ din l-intiena u t-tħassib tagħhom, ir-residenti ripetutament tkellmu mas-Sindku Mario Calleja u kunsilliera oħra, li madankollu dejjem irreferewhom lill-Wasteserv għax qalulhom li huma ma jistgħu jagħmlu xejn ħlief jirrappurtaw.

Net News tkellem mal-minority leader ta’ Marsaskala, John Baptist Camilleri, li kkonferma dawn l-ilmenti.

Madankollu l-ilmenti ma wasslu għal xejn, ħlief għal skużi dejjem differenti mingħand Wasteserv, bl-uffiċjali jippruvaw jiġġustifikaw dak li għaddej.

U minkejja li sentejn ilu dan l-impjant ħa n-nar, u għamel jumejn jaqbad, dan l-istazzjon seta’ jinnota kif sa llum il-ġurnata dan l-impjant jidher imbullat bl-iskart.

Dan meta suppost l-iskart jiġi esportat, u mhux jiħalla jakkumula sal-punt li llum qed ifur bl-iskart.

Ir-residenti Skalin u dawk tal-madwar qed jinnutaw li bħal donnu m’hemmx ir-rieda li t-tmexxija ta’ dan l-impjant tirrimedja s-sitwazzjoni ta’ riħa insapportabbli … riħa li qed tinxtamm mhux biss mir-residenzi tal-madwar imma wkoll minn diversi nħawi oħra, sal-ponta taż-Żonqor.

L-aħħar aġġornament li rċieva l-Kunsill Lokali hu li tliet minn erba’ digesters jinsabu weqfin, f’sitwazzjoni li tqajjem dubju dwar jekk hux issir tiswija u żamma tal-appara.

Ir-residenti Skalin għadhom fl-għama anke dwar ir-riħa li belgħu meta l-impjant inħaraq, sentejn ilu, bit-talba biex ir-rapporti jkunu ppubblikati għadha pendenti.