Sport Waterpolo

Sliema viċin ħafna li jakkwistaw lil Grixti hekk kif għaddejja kaċċa fis-suq tat-trasferimenti

Għalkemm mhux uffiċjali jidher li Sliema jinsabu viċin ħafna li jakkwistaw lill-gowlkiper ta’ Sirens u t-tim nazzjonali Malti Nicholas Grixti. Il-President ta’ Sliema Frank Testa huwa deċiż li jsaħħaħ lit-tim għall-istaġun li ġej u dan wara li għal darba oħra falla t-tragward Slimiż li jirbħu l-kampjonat maġġuri tas-sajf.

L-aħħar li Sliema rebħu l-kampjonat kien fl-2009, xi ħaġa li għall-klabb ta’ kalibru bħal Sliema hu wisq. Il-gowlkiper Grixti kellu kampjonat tajjeb b’sensiela ta’ wirjiet impekabbli matul l-istaġun kollu. F’Awwissu li għadda huwa rebaħ il-BOV Premier plejer tax-xahar.

Ironikament waħda mill-logħbiet li kienet eċċezzjonali għal Grixti fl-istaġun li għadda kienet kontra Sliema, partita li wasslet lit-tim tiegħu biex jikseb draw ta’ 8-8 kontra l-Blues fejn saħansitra kien ċaħħad lil Norbert Hoznyansky milli jiskorja penalty.

Sliema jidher li se jaħdmu bla heda biex ikomplu jsaħħu l-iskwadra fejn qegħdin jissemmew ukoll xi plejers ta’ San Ġiljan li jistgħu jingħaqdu magħhom. Tim ieħor li qed jaħdem biex isaħħaħ l-iskwadra tiegħu huwa dak ta’ Valletta.

Wara d-diżappunt ta’ dan is-sajf, Valletta bdew bil-ħidma tagħhom bl-għan li jirritornaw jilagħbu fil-Kampjonat Premier. Huma diġa akkwistaw lill-veteran Michele Stellini. Plejer ieħor li qed jinteressa lil Valletta huwa Niki Lanzon, li dan l-aħħar ħabbar li rtira minn plejer tan-Neptunes wara li għenhom jirbħu l-kampjonat.

Neptunes li minn naħa tagħhom qegħdin ifittxu barrani ieħor jinsabu għaddejjin b’ħidma kontinwa biex jippruvaw iġibu plejer barrani biex jissostitwixxi lill-Kroat Petar Muslim.

Plejer li qed jissemma ħafna li jista’ jiċċaqqlaq huwa Ben Plumpton ta’ San Ġiljan filwaqt li l-kowċ ta’ Marsaskala, li rebaħ id-‘double’ tal-Ewwel Diviżjoni dan l-istaġun jista’ wkoll jħalli lill-klabb u jingħaqad ma’ xi ħadd ieħor.