Lokali

Summit għal diskussjoni dwar l-immigrazzjoni

Bdew jaslu f’pajjiżna l-ewwel uffiċjali barranin li se jkunu qed jipparteċipaw f’summit dwar il-migrazzjoni li se jsir it-Tnejn f’pajjiżna.

Fost dawn il-Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni Dimitris Avramopoulos u l-Ministru Franċiż tal-Intern Christophe Castener li kellhom żjara ta’ korteżija mal-President ta’ Malta George Vella ġewwa l-Palazz ta’ San Anton.

Dan is-summit se jsir wara li ftit tal-jiem ilu sar mini-summit f’pajjiżna stess u fejn fih ipparteċipaw diversi Ministri tal-Intern ta’ pajjiżi Ewropew

Għal pajjiżna dan is-summit qed isir fi żmien partikolari b’ammont sostanzjali ta’ wasliet ta’ immigranti salvati mill-Mediterran.

Propju l-aħħar grupp li daħħal f’pajjiżna kien dak ta’ 265 immigrant f’Xatt it-Tiben fis-sigħat bikrin tas-Sibt filgħodu. Dan biex b’hekk b’kollox iddaħlu iktar minn 1,800 immigrant f’din is-sena biss.

Is-summit tat-Tnejn se jsir ukoll ftit ġimgħat biss qabel summit ieħor Ewropew li se jsir f’Ottubru ġewwa l-Lussemburgu, bit-tama li jintlaħaq ftehim dwar il-pass li jmiss.