Internazzjonali

Juncker konvint mill-konklużjoni ta’ Brexit

JIl-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, qal li hu konvint li   ‘Brexit se jsir’ u li r-Renju Unit se jirnexxilu jikkonkludi l-proċess.

Sadanittant, Juncker irrepeta li f’każ li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim għandha ssir fruntiera ġdida bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika tal-Irlanda li se tibqa’ membru tal-Unjoni.

Il-fehma ta’ Juncker kienet iddettaljata f’rapport ta’ Sky News u wara intervista li saret jiem ilu mal-President tal-Kummissjoni Ewropea.

Fil-fatt, Juncker kien tenna ‘il-konvinzjoni tiegħu li l-Britanniċi se jirrealizzaw Brexit’ qabel ra l-ideat tal-Gvern tar-Renju Unit biex jipprova jixpruna t-taħditiet lejn il-finali konklussiva tal-proċess. Dawn l-ideat, intant, tressqu, il-ġimgħa l-oħra, għall-kunsiderazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Meta kien mistoqsi jekk għandhiex issir fruntiera ġdida bejn l-Irlanda ta’ Fuq – li hi provinċja Britannika – u r-Repubblika Irlandiża, Juncker wieġeb fl-affirmattiv.

Dan waqt li saħaq dwar l-importanza li ‘l-interessi tal-Unjoni Ewropea u s-suq intern jibqgħu preservati fiċ-ċirkustanzi’.

Matul il-laqgħa ta’ jiem ilu bejn Juncker u l-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, spikkat l-istqarrija li r-Renju Unit se jevita li l-proċess ta’ Brexit jaqbeż il-limitu stabbilit għall-konklużjoni – jiġifieri l-31 ta’ Ottubru.

Madankollu għad mhemmx forma ta’ qbil dwar xi alternattivi għall-backstop – il-proċess li l-UE qed jinsisti dwaru biex taċċerta l-moviment ħieles tan-nies u prodotti mill-fruntiera Irlandiża wara Brexit.

Intant, Juncker wissa li l-hekk-imsejjaħ hard border isir realtà f’każ li jfallu n-negozjati dwar Brexit. Dan għaliex Brussell se jinsisti għal proċeduri ‘ta’ sorveljanza u sigurtà’ fiz-zona bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża, f’każ ta’ No Deal.

Fl-istess ħin – u minkejja l-ottimiżmu li wera għal ħinijiet – il-President tal-Kummissjoni Ewropea insista li l-Unjoni Ewropea ‘bl-ebda mod ma tkun responsabbli għal dawn iċ-ċirkustanzi potenzjali’, waqt li għamilha ċara li ‘il-ħtija ta’ dan ikollha taqa’ kollha kemm hi fuq spallejn ir-Renju Unit’.