Lokali

AĠĠORNATA: Qbil dwar aktar diskussjoni

Il-ħames Ministri tal-Intern ta’ Malta, l-Italja, Franza, il-Ġermanja u l-Fillandja qablu li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni fil-Mediterran hemm bżonn li tkompli tiġi diskussa. Dan sehh waqt is-summit li tlaqqa’ f’pajjiżna llum fil-Forti Sant’Anġlu.

Il-ftehim li waslu għalih dawn l-Istati Membri se jkun qed jitressaq quddiem il-Ministru tal-Intern l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Diskussjoni li se tkun qed issir fit-8 ta’ Ottubru fil-Lussemburgu.

Permezz ta’ dan id-dokument, jekk jiġi aċċettat mill-maġġoranza tal-Ministri, ikun jista’ jitpoġġa dak li hemm miktub fil-prattika, u finalment isir magħruf kemm se jkun hemm pajjiżi li se jipparteċipaw fejn għandu x’jaqsam il-wasliet tal-immigranti u r-rilokazzjoni ….speċjalment fil-pajjiż fejn l-immigranti ikunu iktar min-numru ta’ dak issettjat.

Il-Ministri qablu wkoll li għandu jkun hemm regolamentazzjoni fir-rigward tal-bastimenti tal-NGOs.. fejn se jaraw li tingħata liċenzja lil dawk l-NGO’s biss li kapaċi jagħmlu salvataġġ fuq il-baħar.

Min-naħa tiegħu l-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni Dimitris Avramopoulos saħaq li issa huwa l-mument li jittieħdu deċiżjonijiet politiċi importanti u jkun hemm rieda politika min-naħa ta’ kulħadd. Huwa qal li dak li ddiskutew huma soluzjonijiet temporanji fejn jispera li jkunu attwati wara qbil fil-Kunsill tal-Ministri li se jitlaqqa’ x-xahar id-dieħel.

Il-Ministru għall-Intern Taljan Luciana Lamorgese sostniet li dan huwa l-ewwel pass konkret lejn soluzzjoni għall-problema tal-immigrazzjoni fil-Mediterran.

Dan is-Summit sar fid-dawl tal-fatt li f’pajjiżna mill-bidu tas-sena l’hawn daħlu madwar 1,800 immigrant. Fl-aħħar xhur ittieħdu diversi inizjattivi biex jinstabu soluzzjonijiet fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, speċjaliment dwar l-immigranti abbord il-vapuri ta’ għaqdiet mhux governattivi.

Inizjattivi li issa rridu nistennew sa Ottubru biex naraw humiex se jidħlu fis-seħħ jew le.